Brexit | In-negozjati jidħlu fl-aħħar ġurnata tagħhom qabel summit kruċjali tal-mexxejja

Jekk sas-Sibt li ġej il-Parlament Ingliż ma japprovax il-ftehim, Johnson huwa kostrett bil-liġi li jitlob estensjoni oħra

Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u dawn tar-Renju Unit komplew bit-taħdidiet dwar Brexit bil-għan li jintlaħaq qbil li jkun approvat mill-mexxejja tal-Istati Membri waqt summit importanti li se jibda għada.

Il-Prim Ministru Boris Johnson mistenni jaġġorna lill-Kabinett tiegħu dwar il-progress tan-negozjati.

Ilbieraħ, skont rapporti, ftehim kien imminenti, bir-Renju Unit iċedi xi ftit jew wisq fuq il-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża.

Skont l-uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż, it-taħdidiet kienu “kostruttivi” u sar progress.

Jidher li n-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, Michel Barnier, se jkun qed jagħti l-aħħar aġġornamenti waqt laqgħat mal-Kummissarji Ewropej u anke l-ambaxxaturi.

Johnson qed jiffaċja ġirja wara l-ħin bil-għan li l-ftehim jintlaħaq qabel is-summit.

Jekk sas-Sibt li ġej il-Parlament Ingliż ma japprovax il-ftehim, il-Prim Ministru huwa kostrett, skont liġi li daħlet fis-seħħ ix-xahar li għadda fir-Renju Unit, li jitlob estensjoni oħra għal Brexit. 

Ir-Renju Unit suppost se jħalli l-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru, b’Boris Johnson jisħaq kemm-il darba li ma għandu l-ebda intenzjoni li jitlob estensjoni.

More in Barranin