'Ninsab determinat li l-esperjenza ma' Ħamrun Spartans ħa tkompli tgħolli l-livell'

Jean Debattista - goalkeeper tal-ogħla livell u li matul l-istaġun li ġej se jkun qed jirritorna ma' Ħamrun Spartans wara esperjenza mill-aqwa ma' Swieqi United.

Jean Debattista
Jean Debattista

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Missieri kien il-persuna li ħajjarni nilgħab il-futbol. Bdejt ta' ħames snin man-Nursery ta' Ħamrun Spartans fejn mill-ewwel kelli l-ħajra li nilgħab bħala goalkeeper. Is-sapport li sibt mill-ġenituri tiegħi kompla jagħmilli kuraġġ u kont nieħu t-taħriġ bis-serjetà. Il-kowċis li kelli tul dan iż-żmien kollu kienu importanti fil-pitch kemm waqt it-taħriġ kuf ukoll waqt il-logħob. Fost dawn irrid insemmi l-kowċis taċ-Ċentru Tekniku tal-MFA fejn għal tmien snin kont nifforma parti mit-timijiet Nazzjonali sal-Under 19.

X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun bħala Swieqi United?

L-esperjenza ma' Swieqi United kienet ferm sabiħa fuq żewġ binarji. Fuq dik personali nista' ngħid li tatni spinta 'l quddiem fil-karriera tiegħi kemm bħala fiżika kif ukoll bħala abbiltà u personalità fil-pitch. Għalija kien importanti li nilgħab b’mod regolari - xi ħaġa li Swieqi United tawni dan l-ispazju. Fuq livell ta' klabb nista' ngħid bla tlaqliq li huwa l-aktar klabb organizzat li qatt lgħabt miegħu. Kemm dik li hi amministrazzjoni kif ukoll l-aspett tekniku Swieqi United għandhom set-up professjonali u kien is-sigriet tas-suċċess li wara li tlajna għall-ewwel darba mis-Second Division għall-First Division komplejna biex stabilixxejna l-klabb u żammejna postna fil-First Division. Il-mod kollettiv li wrejna tul l-istaġun kien tajjeb ħafna u tista' tgħid tajna logħba lil kull tim li lgħabna kontrih.

X'tikkummenta fuq ir-rekord li kont ksibt ma' dan it-tim?

Dan l-istaġun kien wieħed importanti fil-karriera tiegħi fejn ilħaqt il-100 logħba tiegħi mas- senior team. Dawn kienu 30 ma' Ħamrun Spartans, 10 ma' Melita, 24 ma' Marsaxlokk u 43 ma' Swieqi United. F’dawn il-107 logħbiet kelli 33 clean sheet, 17 minnhom ma' Swieqi United.

Kif qed tħares lejn ir-ritorn tieghek ma' Hamrun Spartans?

Din hija opprtunità li ma stajtx nirrifjuta. Meta ġejt avvicinat biex nerġa' nifforma parti minn dan it-tim li trabbejt fih ħassejt li kien wasal iż-żmien li nidħol għal din l-isfida li għalkemm naf li mhux ħa tkun faċli, ninsab determinat li ħa tkompli tgħolli l-livell tal-logħba tiegħi. Li tkun qiegħed parti minn tim tal-Premier hija dejjem ix-xewqa ta' kull plejer speċjalment meta dak it-tim ikun f’qalbek minn meta tkun żgħir!

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Skont minn liema angolu taraha. Jekk ħa thares leja min-naħa ta' plejer, b’14-il tim ħa jkollok aktar plejers jilagħbu fil-Premier, iżda min-naħa l-oħra jista' jkun li ħa jkollok xi timijiet li jsibuha diffiċli biex iżommu u jlaħħqu ma' timijiet oħra. Fl-opinjoni tiegħi 10/12-il tim, inħoss li jkunu ideali b’aktar kompetizzjoni bejniethom.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Naħseb li dan l-istaġun li għadu kemm spiċċa kien hemm aktar timijiet viċin ta' xulxin fejn kien hemm l-ewwel sebgħa li kienu l-aktar konsistenti bis-sebgħa l-oħra li għalkemm taw logħbiet diffiċli lil ta' fuq ma kinux konsistenti.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Fl-opinjoni tiegħi nemmen li għandha tibqa' kif inhi b’seba' barranin u li ser jintefqu fuq l-erbgħa li qed jiġu proposti jintefqu fuq is-sebgħa biex jinġiebu plejers ta' livell ogħla.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Għalkemm riċentament qed naraw barranin ta' livell ogħla xorta nemmen li hawn numru ta' Maltin aħjar minn ċerti barranin li qed jieħdu sehem fil-kampjonati tagħna.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

Din ser tkun l-ewwel esperjenza tiegħi fil-Premier, però apparti l-grawnd nazzjonali lgħabt fil-grawnds l-oħra kollha. Ma narax li hawn xi grawnds li jintlagħab il-Premier li nista' ngħid hu inferjuri.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Matul l-istaġun li għadda nista' ngħid li kien tajjeb fejn mingħajr tlaqlieq ngħid li kelli staġuni agħar minn dan. Però dan huwa suġġett li nipprova nevita li nitkellem fuqu għaliex finalment l-esperjenza għallmitni li l-aħħar kelma, (jew suffara), hija tar-referì!

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Jien nemmen li l-karriera ta' futboler hija commitmment li twarrab kull ħaġa oħra li tista' ttellef dan. Biex wieħed jasal fil-quċċata xi kultant trid tiċċaħħad anki minn dawk viċin tiegħek.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Biex stajt ningħaqad ma' Ħamrun Spartans kelli ndawwar il-ħinijiet tax-xoghol peressli l-ħinijiet tat-taħriġ huma wara nofsinhar minn Ottubru 'l quddiem. Anki meta kont ma' Swieqi United ġieli kelli nitlaq qabel mix-xoghol speċjalment meta kien ikollna logħob fost il-ġimgħa.

Tqis li fil-futur tissejjaħ mat-tim nazzjonali mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?

Jien ħa nikkonċentra fuq l-impenn tiegħi ma' Ħamrun Spartans u naħdem biex fil-futur inkun il-goalkeeper ewlieni. Illum ngħid li għadu kmieni biex naħseb f’dak il-livell, però jekk jiġi ċ-ċans ovvjament li nieħdu!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Dan hu kapitlu iehor fil-karriera tiegħi - kapitlu li qed inħares lejh b’ottimiżmu. Nixtieq li nibqa' navvanza u li nistabilixxi lili nnifsi ma' dan il-klabb u f’dak li jista' joffri l-futbol.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.

Il-parir huwa sempliċi però sinifikanti. Din hija logħba sabiħa u aktar meta tkun parti minnha. Lil dawk it-tfal li għadhom żgħar ngħidilhom biex jimxu pass pass u ma jgħaġġlux. Jisimgħu minn dak li jgħidulhom il-kowiċs rispettivi għax dak li jitgħallmu qed jagħmluh għalihom u mhux għall-kowċ. Jien kont ma' Ħamrun Spartsns u biex erġajt wasalt hawn għamilt erba' staġuni nilgħab f’diviżjonijiet inferjuri.

More in Sports