'L-investigazzjoni se tikkomplika ruħha minħabba li Taylon tal-Hibs telaq minn Malta'

Ġimgħatejn ilu l-eks plejer tal-Hibernians Taylon Marcolino allega li offrewlu ħafna flus biex ma jilgħabx fid-Decider 

Taylon Nicolas Marcelino
Taylon Nicolas Marcelino

L-investigazzjoni rigward l-allegazzjonijiet  ta’ ‘match-fixing’ li għamel il-plejer Taylon Marcolino ‘se tkun aktar diffiċli għaliex il-plejer telaq min Malta u mistenni jgħin l-investigaturi permess ta’ kollegamenti awdjoviżivi.

Ġimgħatejn ilu l-eks plejer tal-Hibernians Taylon Marcolino kien allega li offrewlu ħafna flus biex ma jilgħabx fid-decider tal-Kampjonat BOV Premier, bejn Valletta u Hibernians.

Sorsi li tkellmu mas-sit illum.com.mt spjegaw li l-attakant ġie rilaxxat mill-Hibernians wara li ma ntaħaqx ftehim fil-kuntratt tiegħu, u għalhekk ħalla l-pajjiż fil-ġranet li segwew.  L-istess sorsi qalu li l-kontribut tant importanti ta’ Taylon f’dawn l-investigazzjonijiet se ssir aktar diffiċli,  hekk kif issa dan hu mistenni jgħin l-investigaturi permezz ta’ kollegamenti awdjoviżivi.

Intant, f’kummenti li ta lil dan is-sit, l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone kkonferma li l-plejer inkwistjoni telaq minn Malta hekk kif dan ġie rrilaxxat wara li għamel stqarrija uffiċjali mal-Pulizija. Filwaqt li stqarr li l-investigazzjoni se tkun loġistikament aktar diffiċli, Tabone saħaq li, “ma kienx ikun ġust kieku għaġġilna din l-investigazzjon. L-investigazzjoni trid tieħu l-ħin tagħha."

 L-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone
L-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone

Apparti minn hekk, mistoqsi jekk l-infurzar tar-regolamenti dixxiplinarji tal-MFA hux limitati ġaladarba l-plejer qiegħed barra minn Malta, Tabone għamilha ċara li dan mhuwiex il-każ hekk kif kull sentenza dixxiplinarja ta’ dan it-tip tista’ tiġi effettivament estiża internazzjonalment bl-għajnuna tal-FIFA.

Fl-2017, il-Gvern kien daħħal liġi ġdida biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-isports fosthom billi ġiet estiża l-ġurisdizzjoni ta’ Malta fuq persuni involuti fil-korruzzjoni, filwaqt li joffri wkoll protezzjoni lil whistleblowers li jitkellmu kontra l-korruzzjoni. Ta’ minn jinnota li Taylon qed ikun investigat mill-MFA talli ma rrapportax il-każ fi żmien stipulat mir-regolamenti tal-MFA. Minkejja dan, il-plejer mhuwiex qed ikun investigat mill-Pulizija hekk il-liġijiet Maltin jagħtu aktar ċans sabiex plejer jirrapporta każ ta’ tixħim.

L-eks attakant ta’ Hibernians kien spjega li ġurnata biss qabel il-partita, persuna ġiet id-dar tiegħu u offrietlu s-somma flus biex ma jilgħabx kontra l-Belt. Huwa qal li qatt ma kien se jasal biex ibiegħ lilu innifsu għal flus għaliex l-imħabba tiegħu lejn il-logħba hi wisq akbar.

Aqra Aktar: 

 

More in Sports