Uffiċjali tal-MFA jattendu għas-Summit tal-FIFA

Il-futur tal-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ u tan-nisa,  l-opportunitajiet biex titjieb is-sistema tat-trasferimenti u l-kalendarju tal-logħob internazzjonali kienu t-temi prinċipali diskussi waqt is-summit

Rappreżentanti mill-AFC, il-CONCACAF u l-UEFA iltaqgħu fil-kapitali Olandiża biex jiddiskutu l-esperjenzi u suġġetti speċifiċi għal pajjiżhom u jaġġornaw ruħhom dwar il-logħba globali.

Is-summit ta l-opportunita lid-delegati kollha sabiex jaqsmu l-għarfien tagħhom u jikkoordinaw il-passi li jmiss.

Il-Malta Football Association kienet irrappreżentata mill-President Norman Darmanin Demajo u l-Viċi-President Dr Matthew Paris.  Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm Bjorn Vassallo, l-ex Segretarju Ġenerali tal-MFA li issa jokkupa r-rwol ta’ Direttur tal-Assoċjazzjonijiet Membri (Ewropa) fil-FIFA.

Darmanin Demajo għamel preżentazzjoni dwar il-proġetti mwettqa mill-MFA bl-appoġġ tal-FIFA taħt il-programm FIFA Forward. 

Dawn il-proġetti jinkludu hybrid pitch għall-Istadium Nazzjonali li tlesta fis-sajf tal-2016, l-installazzjoni ta’ FIFA Quality Pro pitch fis-Centenary Stadium u t-Trophies Lounge li hija parti minn proġett ikbar biex jissebbaħ il-Millennium Stand.

“Il-komunikazzjoni u koperazzjoni huma kruċjali,” Darmanin Demajo qal f’kummenti li ta lis-sit uffiċjali tal-FIFA, www.fifa.com.

“Bħala pajjiż Ewropew, ma tantx ikollna ċans niddiskutu fit-tul ma’ konfederazzjonijiet differenti.L-isfidi li għandna quddiemna m’humiex daqstant differenti."

Darmanin Demajo kompla jgħid li l-attenzjoni tal-MFA hi ffukata fuq it-titjib tal-infrastruttura u l-iffinanzjar tal-iżvilupp tal-faċilitajiet neċessarji.

“Għaldaqstant, il-FIFA Forward Programme hu essenzjali għalina billi jagħtina stampa ċara tal-fondi li għandna għall-infrastruttura, l-organizazzjoni tal-kompetizzjonijiet u l-football tan-nisa,” temm jgħid il-President tal-MFA.

Waqt it-tnedija ta’ din is-sensiela ta’ summits f’Pariġi f’Novembru 2016, il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, għamilha ċara li l-logħba tal-football tista’ tiżviluppa biss jekk il-FIFA tikkoopera mill-qrib u tikkomunika regolarment mal-211-il assoċjazzjoni membru.

 “Huwa importanti li fil-ġejjieni d-deċiżjonijiet fil-FIFA ma jiġux iddettati minn fuq iżda jiġu minn dawk li jorganizzaw il-football fil-pajjiżi tagħhom b’mod regolari,” huwa qal.

L-assoċjazzjonijiet li attendew il-ħames FIFA Executive Football Summit f’Amsterdam kienu: l-Iran, ir-Repubblika Kirgiża, il-Mjanmar, Singapor, is-Sri Lanka, l-Anguilla, Aruba, Curacao, Surinam, l-Awstrija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, Liechtenstein, il-Lussemburgu , Malta, l-Olanda, l-Iżvizzera, Wales, l-Armenja.

More in Sports