Missier il-futbol tan-nisa f'Malta

Pierre Brincat - persuna li jista' jitqies bħala missier il-futbol tan-nisa f'Malta hekk kif kien propju hu li ntroduċih, u bħalissa jokkupa l-irwol ta' Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa f'pajjiżna

Pierre Brincat - Missier il-futbol tan-nisa f'Malta
Pierre Brincat - Missier il-futbol tan-nisa f'Malta

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdejt nilgħab il-futbol t’età żgħira fl-għalqa ta’ warajna. Aħna konna noqogħdu Raħal Ġdid u niftakar kien hemm wied u t-tfal kollha konna niltaqgħu hemm u nilagħbu l-futbol flimkien. Imbagħad, bħal ħafna tfal oħra, kont abbati u ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini wkoll konna nilagħbu l-futbol. Konna nilagħbu fil-grawnd ta’ Għajn Dwieli. Minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-futbol.

Meta kont tilgħab il-futbol irbaħt ħafna unuri mal-Furjana. Tista’ titkellem fuq din l-esperjenza?

Mingħajr ma ninstema’ li qed nonqos mir-rispett lejn il-Furjana, l-aktar tazza li ħadt pjaċir nirbaħ kienet l-ewwel waħda tiegħi meta kont nilgħab maż-Żurrieq. Kienet finali mal-Belt. Kienet rebħa li se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja taż-Żurrieq. Kienet sena memorabbli u imprezzabbli. Biex wasalna s’hemm ħadna ħafna keded. Għamilna sena niġġieldu biex ma naqgħux. Salvajna fl-aħħar logħba bi draw kontra l-Ħamrun u kienu waqgħu l-Furjana.

Fit-Trophy ġejna semifinali mar-Rabat. L-ewwel logħba ġejna dro u fir-replay irbaħna. Dak iż-żmien jekk tiġi dro ma kontx tgħaddi għall-ħin barrani imma terġa’ tilgħab logħba oħra. Mal-Belt imbagħad fil-finali fl-ewwel logħba ġejna draw 0-0 u fir-replay irbaħnielhom 2-1.

 

Wara dik il-logħba kien għajjatli man-nazzjonal. Kien staġun li filli se taqa’ u filli ġiet ir-rebħa tat-Trophy u ġejt mgħajjat man-nazzjonal.

X’tista’ tgħidli fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali bħala plejer?

L-esperjenza tiegħi man-nazzjonal ma tantx kienet twila. Ir-raġuni kienet ħabba x-xogħol. Ma kontx ili wisq mal-Air Malta. Bix-xogħol tiegħi, minħabba t-titjiriet kont infalli t-taħriġ u l-kowċ tan-nazzjonal, Mr Dobrev, wasal f’punt fejn qalli li ma stajtx infalli aktar. Kienet esperjenza ta’ tlieta jew erba’ xhur. Kelli l-opportunità li nitla’ l-Bulgarija fil-pre-season man-nazzjonal u kienet esperjenza sabiħa wkoll. Però kif għidt, kienet esperjenza li kellha tinqata’ ħesrem. Forsi llum din hija waħda mid-deċiżjonijiet li jiddispjaċini li ħadt, però dak iż-żmien kont għadni żgħir u x-xogħol kien importanti għalija. Kelli nagħmel deċiżjoni u bejn ix-xogħol u n-nazzjonal għażilt ix-xogħol.

L-esperjenza tiegħek mal-Floriana kienet sabiħa wkoll. Hemmhekk irbaħt il-Kampjonat.

L-esperjenza tiegħi ma' Floriana kienet sabiħa ħafna. Kellna tim qawwi ħafna. Meta tlaqt minn maż-Żurrieq kien hemm tim li kien għadu qed jinbena. Kien għadu kif tela’ mill-Ewwel Diviżjoni s-sena ta’ qabel. Kont fortunat għax kien hemm President Tony Grech Sant u Julian Holland, li kien hu li rranġali biex immur mal-Furjana. Kien ħadem ħafna għal dan l-akkwist. Pruvaw jieħdu wkoll lil Louis Cutajar taż-Żurrieq imma mbagħad l-ispejjeż ġew għoljin ħafna u preferew li jieħdu lili.

Ġie lura Mark Miller f’dik is-sena li mort jiena u John Buttigieg is-sena ta’ wara. It-tim beda tiela’ pass pass sakemm wasalna fi stat li t-tim issaħħaħ ħafna. Kellna plejers bħal Jacques Buhagiar, John Buttigieg, Kim Wright, James Briscoe, Dennis Cauchi, David Galea li wkoll kien man-nazzjonal taż-żgħar, u Mark Miller li hu wieħed mill-aħjar barranin li qatt lgħabt miegħu u li qatt lagħab hawn Malta. Imbagħad meta kien kowċ Mark Miller it-tim kompla jissaħħaħ.

U Mark Miller mal-ewwel laħaq kowċ wara li spiċċa minn plejer?

Kif dħalt nilgħab konna taħt il-kowċ Hugh Caruana. Imbagħad ġie  George miż-Żurrieq u wara Lolly Aquilina. Kien wara dawn it-tlieta li mbagħad ġie Mark Miller. Però l-ispinta ħadnieha taħt Mark Miller. Għenna ħafna, u l-iskwadra kompliet issir aktar kompetittiva. It-taħriġ kien ikun dejjem motivanti u bdejna niġġieldu għal kull tazza possibbli. Fil-fatt, f’dik is-sena rbaħna kull tazza li kien hemm. Il-Kampjonat, in-Knock-Out, u s-Super Cup. U fil-bidu tal-istaġun ta’ wara rbaħna t-tnejn l-oħra tal-Ewropa.

Kif qed jiżviluppa l-futbol tan-nisa, u kif bdejtu? 

Meta jien spiċċajt mill-futbol, Mark Miller talabni immedjatament biex immur kowċ miegħu. Kien mar mal-Hibs u jien allura kont mort assistant coach mal-Ħibs. Safrattant mat-tim tan-nisa tal-Hibs kien hemm tilgħab il-mara tiegħi. F’nofs dan l-istaġun li jien kont qed ngħin lil Mark Miller, kien hemm problema bil-kowċ tat-tim tan-nisa. Kien waqaf u talbuni nistax nimlielhom l-ispazju sakemm isibu kowċ ieħor. Kont aċċettajt u bdejt nieħu pjaċir. Rajt fihom l-imħabba lejn il-futbol. Riedu jilagħbu akkost ta’ kollox. Kienu jittrenjaw filgħaxijiet sad-disa’ ta’ billejl u kienu kollha dedikati. 

Il-ġenituri m’għandhom l-ebda dritt li jtellfu opportunità lit-tifla tagħhom jekk tixtieq tibda tilgħab il-futbol jew tagħmel xi ħaġa oħra. M’għandhomx iwaqqfuhom jekk mhu se jkunu qed jagħmlu xejn ħażin, speċjalment jekk ikun sport

Is-sena ta’ wara talbuni nieħu ħsieb selezzjoni biex nilagħbu kontra tim Taljan. Issa dak iż-żmien qas kont għadni naf it-timijiet kollha peress li ma kontx ili wisq li bdejt. Kien għenni ħafna George Micallef, il-ġurnalista, qalli x’tip ta’ plejers interessanti hemm f’dawn it-timijiet.

Sadanittant Mark Miller tela’ l-MFA u talabni niġi ngħinu nieħu ħsieb l-Under 17s tas-subien. Jien aċċettajt, bil-patt u l-kundizzjoni li nibqa’ nieħu ħsieb lit-tim tal-Ħibs tan-nisa. Għalekk kelli żewġ gruppi differenti: żammejt lill-Hibs u sibt ruħi l-MFA, assistent tal-under 17s. Ftit taż-żmien wara Dr. Mifsud kien talabni biex nibdew it-tim nazzjonali tan-nisa. U ovvjament sfida bħal din kienet iebsa imma dħalt għaliha. Kont naf li kienet se tkun iebsa għax dak iż-żmien fid-disgħinijiet biex tgħaqqad 18-il plejer kienet iebsa. Logħbiet ta’ ħbiberija ma kinux jeżistu iżda xorta ddeċidejna li mmorru nilagħabu għall-ewwel kompetizzjoni. Minn dak iż-żmien ma ħaristx lura.

Imbagħad ridt li nibdew nagħmlu s-set-up. Il-finanzi kienu li kienu. Ridt it-tabiba, ridt il-phsysio. U bdejna nibnu ftit ftit. Kelli f’moħħi wkoll li nagħmel xi ħaġa għall-bniet. Iddeċidejt li nagħmel tournaments għall-bniet fil-festi, pereżempju fil-Milied, fl-Għid. Bdejt nuża wkoll is-sajf biex inkompli niġbor iktar tfal. Kont niġbor it-tfajliet tal-klabbs u nibda nara tfajliet ġodda. Bjorn Vassallo niftakar kien tani l-grawnd ta’ San Ġwann b’xejn, fejn stajt fis-sajf nara tfajliet ġodda li kienu jintbagħtu mill-klabbs.

Il-ħolma tiegħi kienet li nwaqqaf l-akkademji ħalli jien ikolli tfal li jkunu mgħallmin mill-ewwel u mħarrġin diġà, u hekk ġara

Kelli l-appoġġ tal-MFA imma l-finanzi li għandi llum, lanqas jibdew mal-finanzi ta’ dak iż-żmien. Ġibt assistant coach u kowċ tal-gowlers. Għamiltilhom ċara li ma kinux se jitħallsu fil-bidu imma maż-żmien, wara li nkomplu nibnu u nissaħħu, kellhom jitħallsu.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħolma tiegħi kienet li nwaqqaf l-akkademji ħalli jien ikolli tfal li jkunu mgħallmin mill-ewwel u mħarrġin diġà, u hekk ġara.

Dħalna fl-under 19 fejn kien hemm Mark Gatt assistent miegħi. L-MFA bagħtitni barra minn Malta għal laqgħat li kien ikollna tan-nazzjonal u minn hemm bdejt nieħu l-ideat u naddatta għal hawn Malta. U komplejna nimxu u nżidu dejjem xi ħaġa. Waħda mill-affarijiet pereżempju, li tintuża wkoll fil-Ġermanja, kienet li meta l-plejers jieqfu minn man-Nazzjonal, inżommuhom hawn, inħarrġuhom, nagħtuhom il-korsijiet li għandhom bżonn biex fl-aħħar ikunu jistgħu jieħdu ħsieb kategoriji differenti tan-nazzjonal. U fil-fatt din ħalliet il-frott għax kellna xi eks plejers li qed jieħdu ħsieb kategoriji differenti fit-timijiet tan-nazzjonal. Għandna set up ta’ 24 ruħ illum. Kienet triq twila imma investiment qawwi li dejjem juri li f’dan il-qasam qed isir titjib kontinwu.

Għamilt żmien twil bħala kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa. Illum tokkupa l-kariga ta’ direttur taċ-ċentru tekniku. X’differenza tħoss? Timmissjah il-coaching?

Mija fil-mija. Biex qlibt għal hawn kelli nikseb kwalifikazzjoni. Kienet iebsa imma interessanti. Ir-raġuni kienet li kont ili żmien twil man-nazzjonal. Tkellimt ma’ min kien responsabbli u għidtlu li xtaqt nieqaf. Mhux għax kont imdejjaq imma jekk kont ili 14-il sena, dan kien ifisser li kien hemm bżonn mentalitajiet ġodda. Anki għall-plejers stess... ideat friski dejjem huma bżonjużi. Però ma ridunix naqta’ kompletament u offrieli xogħol fejn inkun nista’ nieħu ħsieb il-futbol tan-nisa. Ma kontx konvint għax xtaqt inbiddel. L-istess kien ġrali mal-Ħibs. Kont ili hemm xi disa’ snin, irbaħt ħafna u waqaft għax ridt xi ħaġa differenti. Man-nazzjonal l-istess. F’14-il sena kowċ, tajt ħafna u wara ċertu żmien nemmen li tim għandu jitgħallem min-nies ġodda. Mhijiex kwistjoni biss li nkun ilħaqt it-tragwardi tiegħi.

L-isport nafu li jbiegħdek mill-vizzji u barra minn hekk, s’issa l-futbol tan-nisa huwa futbol nadif

Ħsibt fuq li ħsibt fuq din l-opportunità. Minn dejjem kelli ħolma li titwaqqaf sezzjoni fl-MFA ddedikata għall-futbol tan-nisa. Kont ili ngħidha wkoll u spiċċajt aċċettajt il-kariga li offrewli.

Anki l-fatt li llum hawn għandi uffiċċju hija xi ħaġa li qabel ma kinitx teżisti. Jekk nitlaq minn hawn ikolli kuxjenza mistrieħa għax dħalt għal din l-esperjenza kważi waħdi fejn ma kien hemm xejn, u wasalna b’timijiet tan-nisa b’etajiet differenti, direttur tal-futbol tan-nisa, uffiċċju, tim ta’ aktar minn għoxrin ruħ, eċċ. Għalija dan hu sodisfazzjon enormi għax meta jasal iż-żmien li nitlaq naf li nkun ħallejt pedament tajjeb u min jiġi warajja jkun jista’ jkompli jaħdem sew.   

Kemm tikkomunika mal-kowċ Mark Gatt? Qed jagħmel ħafna ġid fil-futbol tan-nisa.

Lil Mark Gatt nafu sew. Kont nafu x-xogħol, ġibtu hawn l-MFA bħala assistent tiegħi dak iż-żmien u huwa bniedem li nafda. Mark huwa bniedem li ilu jaħdem fil-qasam tal-futbol tan-nisa. Qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna u għandu l-appoġġ minn Frank Schembri u sab set up aħjar milli sibt jien. Xogħlu huwa li jiffoka fuq it-tim biss u żidna wkoll xi nies bħal Carl Attard li hu l-physical preparator.

Vantaġġ ieħor hu li żdiedu l-ammont ta’ friendlies fis-sena. Mark qed ikollu bejn tmienja u ħdax-il logħba ta’ ħbiberija fis-sena. Dak iż-żmien qas kont noħlomha, jew kont nagħmel il-logħob tal-ħbiberija mas-subien. Li tagħmel logħba tal-ħbiberija qabel tournament ma’ xi tim bħal Andorra huwa lussu. B’hekk il-plejers ikunu preparati aktar. Qed nagħtuh l-għodda li għandu bżonn. Pressjoni m’għandux għax bħalissa l-għan huwa li nkomplu naraw żvilupp għax huwa pjan aktar fit-tul. Ħadna pjaċir meta bl-under 17s rebaħ l-ewwel logħba barra darna u kiseb ukoll riżultati rispettabbli oħrajn bit-tim żgħir li għandna. B’Mark għandna moħħna mistrieħ u qed jirrispondi tajjeb.

Fl-under 19s konna ġejna 0-0 fi friendly mal-Ażerbajġan. Ma stajniex ksibna riżultat aħjar?  

Dak il-grupp tal-Ażerbajġan, jekk tara daqsxejn ir-riżultati li ġab, tinduna li ġab riżultati tajbin, anki ma’ timijiet li huma aktar ikkwotati minna. Dak it-tim tal-Ażerbajġan saħansitra għandhom appoġġ finanzjarju enormi. Qabel lagħbu magħna, marru f’żewġ tours oħra. Huwa grupp li qed jiġbruhom u qed joqogħdu flimkien biex jilagħbu l-futbol għal xahrejn sħaħ.

Ħa niġi lura għal-logħba li semmejtli. Jista’ jkun li f’dik il-ġurnata l-Maltin ma kinux għall-altezza. Bħala riżultat, għalkemm kien draw u fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultati huma dawk li jgħoddu, bħalissa qed inħares lejn l-iżvilupp tal-plejers. Jekk pereżempju nara li t-tim qed juri progress fil-kwalità tal-futbol, jilgħab futbol aktar bis-sens, hemmhekk jien inkun kuntent aktar. L-iskwadra tagħna tal-kbar magħmula minn ħafna żgħar. Allura jekk nara li qed jidraw il-logħba sew, għalina tkun ħaġa tajba.

It-tim nazzjonali tan-nisa tal-kbar hu kompost minn tlieta jew erba’ stilel li t-tim jibbaża ħafna fuqhom. F’każ li jaslu biex jirtiraw, futur xorta se jkun hemm?

Din tinsab f’kull skwadra. Dejjem issib tnejn, tlieta li jibbrillaw fost sħabhom tat-tim. Rachel Cuschieri u Dorianne Theuma  m’għamilniehomx aħna imma twieldu plejers ta' ċertu livell. Bħalma qabel fil-kategorija tal-irġiel kien hemm John Buttigieg u Carmel Busuttil. Dawk ukoll twieldu plejers u mhux saru. Għalhekk huwa importanti li tiffoka fuq l-iżvilupp tat-tim b’mod ġenerali.

Nemmen li pereżempju fl-under 17s hemm tlieta jew erba’ plejers ta’ livell sew u f’kategorija iżgħar hemm plejers tajbin tilgħin. Jekk ikomplu jiżviluppaw hemm potenzjal tajjeb. L-għażla hija limitata. Wara kollox trid taħdem bil-plejers li jkun hemm imbagħad. Għalhekk huwa importanti li nitjiebu ħafna fil-klabbs tal-bniet, pereżempju fil-kategoriji ta’ taħt il-ħdax-il sena. Importanti li jkunu jafu t-teknika u t-tattika minn kmieni ħalli meta jikbru, inkunu nistgħu niffukaw fuq affarijiet oħra u mhux inkunu għadna rridu ngħallmuhom dawn l-affarijiet bażiċi.

X’ħassejt meta għal punt wieħed ma kkwalifikajniex?

Konna tant viċin li ngħaddu. Kien hemm ħafna fatturi. Wara li konna 2-0 minn fuq stajna qgħadna aktar attenti. Bi draw konna ngħaddu u mhux talli ma żammejniex il-vantaġġ, talli qlajna erbgħa. Kieku konna aktar attenti u aktar prudenti, nemmen li stajna għaddejna. Kien forsi nuqqas tal-plejers stess - mhux bilfors għax tort tagħhom - li kienu għadhom żgħar, b’nuqqas ta’ esperjenza. Għalkemm nemmen ħafna fil-plejers iż-żgħar, f’logħbiet bħal dawn trid plejers li kapaċi jikkalmawlek il-logħba. L-enerġija tal-plejers iż-żgħar trid tibbilanċja ruħha mal-esperjenza tal-kbar. Forsi kienet ukoll nuqqas tagħna l-kowċis li ma lqajniex biżżejjed. Anki għall-Mark, kulma kien ilu kowċ tliet xhur. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħu. Żgur li issa tgħallem ħafna aktar minn dik l-esperjenza.

Taqbel mal-bidla li kien hemm fil-format tal-kampjonat tan-nisa?

Naqbel miegħu kif inhu. Hemm sitt timijiet fl-Ewwel Diviżjoni u ħames timijiet fit-Tieni Diviżjoni. Skwadra minnhom hija doppja għax Ħal Kirkop għandhom żewġ timijiet, wieħed fl-Ewwel Diviżjoni u l-ieħor fit-Tieni Diviżjoni. Nemmen li t-tieni kampjonat għadu daqsxejn dgħajjef peress li għadu biss b’ħames timijiet, u għax hemm tim minnhom li għandu żewġ timijiet. Irid ikun hemm aktar saħħa.

Jekk terġa’ tagħmlu kif kien qabel, b’kampjonat wieħed b’ħafna timijiet, se jerġa’ jkun hemm skors kbar ħafna u dan ma jagħmilx ġid lill-futbol tan-nisa, anki għal min ma jifhimx u jara dak l-isport, ma jiħux impressjoni tajba.

Il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni qiegħed tajjeb u anki kien kompetittiv. Kien league akkanit u riżultati bilanċjati. Però l-problema ewlenija hija l-ammont ta’ timijiet. Għalhekk aktar klabbs irid ikollhom it-timijiet tal-irġiel u anki t-timijiet tan-nisa.  

Minn żmienek dejjem kien hemm tabù li tfajla tilgħab il-futbol. Illum kien hemm żviluppi? Kif tħares lejha?

Dak iż-żmien kienet tabù u fil-fatt biex nikkonvinċi tfajla tibda tilgħab il-futbol kienet ħaġa kbira. Kien hemm problemi kbar. Illum le. Ma nqatgħetx kompletament għax għad hawn min hu kontra li l-mara tilgħab il-futbol. Mhux f’Malta biss għax hija problema madwar id-dinja kollha. Però l-appoġġ li qed nara mill-ġenituri tat-tfajliet tal-akkademji huwa kbir. Jekk tlajna Għawdex mat-tfal, tara l-ġenituri jiġu magħhom. Is-sapport hu tremend. Jew jekk sejjaħt laqgħa, tara li jkun hemm ammont kbir li jiġu. Il-mentalità qed tinbidel, anki dik tal-ġenituri.

Il-media tagħti biżżejjed pubbliċità lill-futbol tan-nisa?

Nemmen li l-media tista’ tagħmel aktar il-parti tagħha. Waħda mill-affarijiet li l-media tista’ tagħmel hija li ssaqsi aktar fuq xogħolna. Aħna hawn dejjem miftuħin.

Nemmen li għandha titneħħa d-diskriminazzjoni bejn plejers subien u bejn plejers nisa. Dawn għalija huma lkoll plejers tal-futbol. Ma nindirizzawhomx bħala tifla jew tifel imma bħala plejer tal-futbol

Nixtieq li jkollna aktar appoġġ. Nixtieq li jkollna ġurnalisti li jtuna mqar rokna f’gazzetta jew fi programm. Riżultati qed jissemmew, filmati qed jintwerew, imma nixtieq li l-filmati ma jkunux biss meta tintlagħab Birkirkara-Hibs, imma anki jekk hemm logħba bejn klabbs iżgħar.

Bħala riżorsi fejn tittrenjaw, kif tikkumpara dawk ta’ hawn Malta ma’ ta’ barra minn Malta?

Aħna vera fortunati. Meta nikkumparahom, ninduna li għandna riżorsi tajbin. Biss għandna problemi kbar għat-training. Meta bdejt jien kien ikollna training għat-tim nazzjonali tal-kbar u għal ta’ taħt il-21 sena. Illum hemm etajiet differenti kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa li qed jużaw ir-riżorsi tagħna. Hemm il-kbar, l-under 21, 19 u 17 tan-nisa, xi seba’ age groups tal-irġiel, tliet akkademji tan-nisa. Hemm ir-referis li qed jittrenjaw u jużaw ir-riżorsi tagħna. Hemm ukoll xi timijiet barranin li xi kultant jiġu jittrenjaw Malta. Għall-bidu kien tajjeb, però kulma jmur is-sessjonijiet dejjem qed jiżdiedu u allura qed jibda jiċkien.

Għandek ukoll il-problema tax-xita li ġieli twaqqaf it-training milli jsir.  Għalkemm għandna faċiltajiet professjonali, nixtieq li jkollna aktar spazju u grawnds oħra.

Nitolbok twassal appell lill-ġenituri ta’ dawk it-tfajliet li jixtiequ jibdew jilagħbu l-futbol, imma forsi jsibu oppożizzjoni u kritika.

Naħseb li waħda mill-fatturi li saret problema mhijiex li se jitgħajru tomboy imma l-fatt li l-ġenituri għandhom problema  ta’ trasportazzjoni; il-ġiri li għandhom bit-tfal kollha tagħhom. Dik bħalissa qed nara l-akbar problema, li jridu jwassluhom ’l hawn u jwassluhom ’l hemm. Kellna tfal li setgħu jitilgħu ma’ Malta imma ma setgħux jiġu minħabba li l-ġenituri ma setgħux iwassluhom.

Nemmen ukoll li għandha titneħħa d-diskriminazzjoni bejn plejers subien u bejn plejers nisa. Dawn għalija huma lkoll plejers tal-futbol. Ma nindirizzawhomx bħala tifla jew tifel imma bħala plejer tal-futbol. Il-parir li nagħti lill-ġenituri hu li huma m’għandhom l-ebda dritt li jtellfu opportunità lit-tifla tagħhom jekk tixtieq tibda tilgħab il-futbol jew tagħmel xi ħaġa oħra. M’għandhomx iwaqqfuhom jekk mhu se jkunu qed jagħmlu xejn ħażin, speċjalment jekk ikun sport fejn qed jagħmlu eżerċizzju fiżiku. L-isport nafu li jbiegħdek mill-vizzji u barra minn hekk, s’issa l-futbol tan-nisa huwa futbol nadif.

More in Sports