Is-Segretarju l-Ġdid tal-MFA b'aspirazzjonijiet sbieħ għall-futbol Malti

Angelo Chetcuti - is-Segretarju l-Ġdid tal-MFA u li f’qalbu, għandu l-imħabba għall-futbol u dak kollu li jsawru, mill-kbir saż-żgħir

Avukat ta' suċċess bħalek li kellek xogħol importanti u prestiġjuż bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi  fil-Parlament Ewropew, x'fettillek tidħol fl-amministrazzjoni tal-futbol Malti, li lkoll nafu kemm qed jaffaċċja diversi sfidi kbar?

Fil-każ tiegħi u nixtieq nenfasizza dan il-fatt, dħalt fl-amministrazzjoni tal-futbol minħabba li jien leali għal-logħba tal-futbol u tassew inħobb din il-logħba. Jien ġej minn klabb żgħir li huwa dak ta' Birzebbugia St Peters u kien dan il-fatt li tani l-ewwel opportunità li jkolli l-ewwel irwol amministrattiv fil-futbol. F'dak il-livell, kont qed nirrapreżenta klabb, iżda dejjem kont inħoss fija livell ta' responsabbiltà li nieħu ħsieb tal-logħba b'mod ħolistiku.

Nifhem li din tista' tfisser bħala li jien qed nuri lili nnifsi bħala xi martri u nifhem din ir-reazzjoni fil-konfront tiegħi. Iżda xorta waħda nħoss din ir-responsabbiltà. Waħda mill-kritiċi validi li nirċievi bħala amministratur tal-futbol hija dik li bosta drabi niffukaw wisq fuq l-istakeholders li nirrapreżentaw li bosta drabi jkun il-klabb partikolari, u mbagħad nonqsu milli naraw l-istampa kollha. Hemm ħafna mistoqsijiet importanti li wieħed irid isaqsi fosthom kemm hemm tfal li qed jilagħbu l-futbol u kemm dawn jibqgħu jilagħbu għal tul ta' żmien. Irridu nsaqsu wkoll xi strutturi jeżistu biex jgħinuhom jimmassimizzaw it-talenti tagħhom: l-ewwel u qabel kollox għall-iżvilupp personali tagħom, iżda anke biex aħna bħala MFA ikollna l-aqwa plejers possibbli għat-tim nazzjonali.

X'responsabbiltà tħoss li se tkun qed tieħu post Bjorn Vassallo, li fl-aħħar sitt snin li kien ilu Segretarju Ġenerali tal-MFA għamel ġid kbir speċjalment permezz tad-diversi riformi li wettaq? Tkellimt miegħu qabel aċċettajt li tieħu l-pożizzjoni ta' Segretarju Ġenerali?

Ninsab konxju mix-xogħol kbir li għamel Bjorn Vassallo għall-akbar ġid tal-futbol Malti bħala Segretarju Ġenerali tal-MFA għal sitt snin sħaħ. Qabel aċċettajt din il-pożizzjoni, tkellimt miegħu u għadni f'kuntatt regolari miegħu, fejn naf xi proġetti kellu f'moħħu għall-futur, u ninsab persważ li permezz tiegħi u bl-għajuna ta' sħabi l-amministraturi tal-MFA, se nkunu qed nilħqu dawn il-miri li kien stabbilixxa hu flimlien mal-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, fis-snin li ġejjin. Jekk niġbdu ħabel wieħed ħa naslu żgur!

Il-kunċett ta' seba' plejers barranin huwa soluzzjoni daqsxejn nofsu misjur għaliex xorta ma tilħaqx il-kunċett tal-moviment ħieles tal-plejers 100%, waqt li tkun qed iċċaħħad l-ispazju lill-plejers Maltin

Jidher li l-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo flimkien mal-membri tal-Kunsill tal-MFA għandhom fiduċja assoluta fik, hekk kif int inħtart f'din il-kariga b'vot unanimu. X'tikkummenta?

Bl-akbar umiltà jkolli naqbel miegħek! Jien ili naf b'mod personali lill-President Norman Darmanin Demajo għal diversi snin, għalkemm ma kontx nafu daqshekk mill-viċin. Madankollu, kont naf li huwa kellu fiduċja kbira fija, u jien ninsab lest li nirreċiproka din il-fiduċja li huwa dejjem wera u għadu juri lejja permezz ta' ħidma sfieqa għall-akbar ġid tal-futbol Malti.

Ma nistgħux ma nsemmux lit-tim nazzjonali tal-Iżlanda, li ssorprendew lil bosta, tant li rnexxielhom jagħmluha sal-kwarti tal-finali. Dan meta sa ftit ta' snin ilu bħala tim nazzjonali konna negħlbu lil dan it-tim. X'mar ħażin u fejn fallejna fil-konfront ta' dan il-pajjiż Nordiku li saħansitra għandu popolazzjoni inqas minn tagħna?

Huwa fatt magħruf li l-Iżlanda għandhom popolazzjoni inqas minn dik tagħna, iżda hemm bosta differenzi oħra li jridu jiġu indirizzati. L-ewwel nett l-Iżlanda għandha proporzjon ferm ikbar ta' plejers jilagħbu fl-aqwa Kampjonati madwar l-Ewropa. Dan huwa aspett ferm importanti li ħafna drabi ma jitteħidx in konsiderazzjoni meta l-persuni konċernati jassessjaw il-wirja tal-plejers fuq il-pitch. Wieħed irid ikollu sens ta' perspettiva meta jikkumpara tim nazzjonali ma' ieħor, mhux biex jiġġustifika d-dgħufijiet tagħhom bħala tim nazzjonali iżda biex jassigura li l-asssessjat tiegħu ikun ibbażat fuq ir-realtà.

Ir-raġunijiet għan-nuqqasijiet ta' Malta biex tilħaq is-suċċessi miksuba mill-Iżlanda huma kumplessi. Hemm iktar mill-fatt li wieħed jaqbad jipponta subgħajh lejn it-tim nazzjonali nnifsu jew lejn il-kowċ Pietro Ghedin, per eżempju. Dawn huma kollha ħolqiet fil-katina, iżda l-katina kollha tibda minn ħafna qabel. Ejja ninsew ftit il-futbol għall-mument u nsaqsu kemm l-ewwel nett it-tfal tagħna qed jagħmlu attività fiżika, li mhux bilfors tkun futbol. Jekk se nkunu qed nagħmlu dawn il-paraguni, għandna nżommu f'moħħna li f'pajjiżi bħall-Iżlanda u l-Olanda, hemm kultura li tiffavorixxi bis-sħiħ attività fiżika. Dan hekk ċerti dixxiplini sportivi f'dawn il-pajjiżi għandhom jiġu segwiti bilfors fis-sistemi edukattivi tagħhom, waqt li hemm strutturi organizzati għal kull tip ta' sport mhux biss għall-futbol, li digà qiegħda hemm u hija b'saħħitha ħafna f'dan l-aktar sport popolari madwar id-dinja.

Fil-quċċata ta' dan kollu, hemm lista sħiħa ta' affarijiet oħra li rridu nħarsu lejhom -  affarijiet li suppost qed nagħmlu jew li qed naspiraw li nagħmlu. Naħseb li l-ewwel ħaġa li rridu nħarsu lejha hija l-attitudni tagħna lejn il-futbol Malti, li kultant inħoss li hija kemxejn negattiva. Nittama li ma nibdewx insemmu li l-futbol Malti qatt ma jista' jagħmel avvanzi. Iżda hemm numru ta' fatturi oħra. Ħafna drabi nikkonċentraw biss fuq ħaġa waħda jew fuq żewġ affarijiet biss, fejn anke jekk niksbu suċċess f'dawn l-oqsma xorta waħda jkun għad fadlilna triq twila x'naqdfu 'l quddiem!

Ma nistgħux ma nsemmux il-kankru tal-korruzzjoni speċjalment dak marbut mal-betting li donnu li kulma jmur qed jeqred il-futbol mondjali fosthom dak Malti. Kemm taħseb li hija kbira l-problema tal-korruzzjoni fil-futbol lokali, dejjem jekk din teżisti?

Idejjaqni ħafna l-fatt li meta s-suġġett idur fuq il-futbol, l-ewwel ħaġa li tissemma' bosta drabi tkun il-korruzzjoni f'dan l-isport. Mhux qed nitfa' l-ħtija fuqwk li ssaqsini din id-domanda għax għandek id-dritt kollu li tagħmel dan, u sfortunatament il-korruzzjoni speċjalment dik marbuta mal-betting hija dik li qed tagħmel il-headlines tal-aħbarijiet sportivi u mhux biss f'dawn l-aħħar żminijiet, u l-persuni għandhom raġun li jkunu konċernati bis-sħiħ dwarha. Madankollu, xorta waħda din hija xi ħaġa ta' dwejjaq kbir minħabba li fl-aħħar mill-aħħar il-futbol huwa logħba. Madankollu ma naħsibx li l-problema tal-korruzzjoni fil-futbol Malti hija kbira daqskemm ħafna jaħsbu jew jipperċepixxu. Il-futbol ma jeżistix f'iżolament - huwa parti minn soċjetà li sfortunatament kulma jmur qed titlef mill-valuri ewlenin tagħha li kien jsawruha tul iż-żminijiet imgħoddija, u għalhekk il-futbol jiġi affettwat minn dan ukoll. Iżda fil-futbol bħal donnu dejjem kien hemm xamma ta' korruzzjoni mhux f'Malta biss. Dan fih innifsu ma nbidilx mal-medda tas-snin - li nbidel fl-aħħar snin kien il-mod kif issir u n-natura tal-korruzzjoni fil-futbol, hekk kif daħal ħafna betting fuq l-internet li sfortunatament kulma jmur qed jeqred il-futbol mondjali.

Li hija battalja diffiċli, dak huwa minnu. Sfortunatament hija ta’ tentazzjoni kbira għaliex il-flus kapaċi jagħmuk, speċjalment f’sitwazzjoni fejn tkun tinsab dahrek mal-hajt. Però, ma naħsibx li hija battalja mitlufa għaliex hawn ħafna nies li jistgħu jipprevjenu li dan l-isfreġju jibqa' jikber. Dawn huma n-nies ġenwini fil-futbol li llum jew għada ta' bilfors iridu jkunu parti akbar fil-ġlieda. Jien inħoss li nies kapaċi u li għandhom il-futbol għal qalbhom jindunaw li bis-saħħa tagħhom stess jingħaqdu iżjed minn qatt qabel.

Persważ li permezz tiegħi u bl-għajuna ta' sħabi se nkunu qed nilħqu l-miri li kien stabilixxa Bjorn Vassallo mal-President tal-MFA

Jien, flimkien mal-Intergrity Officer tal-MFA, Franz Tabone, u l-Prosekutur tal-MFA, Dr Adrian Camilleri, ħa nkun qed nara li t-tim sod tagħna jkompli jissaħħaħ biex inkomplu niġġieldu dan il-kankru bl-almu kollu tagħna u mill-aħjar li nistgħu.

Il-betting hija attività kompletament legali u ta' saħħa kummerċali kbira speċjalment f’pajjiżna. Imma bħall-attivitajiet kummerċjali oħra tista' tiġi abbużata. Dak li qiegħed jiġri bil-match-fixing.

L-MFA għandha ftehim ma' Sportradar li hija kumpanija li b’awtorizzazzjoni tal-UEFA tħares lejn il-betting patterns biex tara jekk jistax ikun hemm indikazzjoni ta' match-fixing.

Taqbel mal-fatt li tim Malti fil-Kampjonat BOV Premier jista' jutilizza sa massimu ta' seba' plejers barranin, waqt li mill-istaġun li ġej, saħansitra jista' jkun il-fatt li ma jkunx hemm limitu għal kemm tim ikun jista' jutilizza barranin?

Nistqarr li fil-bidu ma kontx favorevoli għal din l-idea, hekk kif kont qed nara li l-ispazji għall-plejers Maltin kienu se jonqsu drastikament, però wieħed imbagħad ma jistax jiċħad li barra minn Malta hemm ċerti regolamenti li wieħed ma jistax jiċħad l-eżistenza tagħhom jew jagħmel tabirruħu li ma jeżistux. Allura l-futbol bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja jrid jaddatta għal dawn il-bidliet. Iżda, xorta waħda nemmen li l-kunċett ta' seba' plejers barranin huwa soluzzjoni daqsxejn nofsu misjur għaliex xorta ma tilħaqx il-kunċett tal-moviment ħieles tal-plejers 100%, waqt li naħseb li tkun qed iċċaħħad l-ispazju lill-plejers Maltin.

Jien ninsab lest li nirreċiproka l-fiduċja li l-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, dejjem wera u għadu juri lejja permezz ta' ħidma sfieqa għall-akbar ġid tal-futbol Malti

X'tikkummenta fuq it-tim nazzjonali Malti u li kieku kif kont twieġeb lil Andrè Schembri wara l-kummenti li huwa għadda wara t-telfa ta' 2-0 kontra l-Ingilterra f'Wembley Stadium, li tant ħolqu kontroversja ġewwa pajjiżna?

Kif diġà għidt fil-pubbliku, il-kummenti ta' Andrè Schembri kont intihom il-piż li ħaqqhom. Naħseb li huwa kien kapaċi jesprimi ċerti ħsibijiet imma żgur li dawn huma ħsibijiet ta' ħafna, u allura wieħed irid joħodhom f'kuntest. Andrè qal affarijiet li jirrikjedu ċertu ppjanar anki fuq tul ta' żmien. Mhumiex affarijiet li wieħed jista' jkollu tweġibiet għalihom f'qasir żmien però wkoll ħafna milli esprima hu, huma kunċetti li nafuhom u allura ghandna r-responsabbiltà jew li nassessjaw biex dak li diġà sar jiġi ndirizzat waqt li nkomplu nindirizzaw dak li forsi s'issa għadna ma ndirizzajniex biżżejjed għall-akbar ġid tal-futbol Malti.

Li kieku jkollok tiddeskrivi dawn l-ewwel jiem kemm ilek li ġejt mgħarraf li kellek tieħu post Bjorn Vassallo bħala Segretarju Ġenerali ġdid tal-MFA, kif tiddeskrivihom? U barra minn hekk, kif qed tħares lejn il-futur immedjat tiegħek tokkupa din il-kariga?

Huma jiem li nista' niddeskrivihom bħala li kienu ta' emozzjonijiet diversi. Nistqarr li kont u għadni ninsab eċitat, iżda ninsab żgur li bl-għajnuna ta' sħabi kollha fl-MFA se nkunu qed naħdmu qatigħ u niksbu l-aħjar riżultati possibbli biex naraw li l-futbol Malti jkompli jagħmel dawk l-avvanzi li l-pubbliku sportiv Malti ilu jixtieq jara.

 

FACT FILE

  • Inħatar bħala Segretarju Ġenerali tal-MFA fis-7 ta' Diċembru li għadda fejn ħa post Bjorn Vassallo
  • Kien Viċi-President ta' Birzebbugia St Peters
  • Huwa Avukat li jaħdem fil-qasam sportiv, jew dak li huwa magħruf bħala Sports Lawyer  
  • Kien jaħdem bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fil-Parlament Ewropew

More in Sports