Attard Montalto ser jieħu sehem fil-Kampjonati Ewropej tal-Juniors taċ-Ċikliżmu

L-ewwel impenn għal nhar l-Erbgħa fit-Time Trial fuq distanza ta’ 25 kilometru

Iż-żagħżagħ promettenti Nicholas Attard Montalto, li huwa c-champion
Nazzjonali tar-Road Race għal din is-sena ser jirrapreżenta lil Malta
fl-edizzjoni ta’ din is-sena tar-Road European Championships li ser isiru
f’Plumelec – Morbihan – Brittany (Franza) bejn l-14 u t-18 Settembru 2016.
F’dawn il-Kampjonati tar-Road Race u Time Trial ser jieħdu sehem madwar 848
ċiklista minn bosta pajjiżi Ewropej mqassma f’diversi kategoriji, dawk
tal-Juniors, Under 23, kif ukoll l-Elite, Irġiel u Nisa.

Matul din il-ġimgħa, Brittany ser tkun il-kapitali taċ-Ċikliżmu fejn
għandha rabta kbira ma’ dan l-isport fejn fil-passat organizzat ħames
darbiet tappa tat-Tour de France fosthom dik riċenti. L-ewwel impenn għal
Attard Montalto ser ikun nhar l-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2016 fit-Time Trial
fuq distanza ta’ 25 kilometru. Mbagħad jumejn wara huwa ser jieħu sehem
fir-Road Race fuq distanza ta’ 125 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ Plumelec li
jinkludi l-famuż ‘Côte du Cadoudal’. It-tiġrijiet tal-Elite ser ikunu
trasmessi b’mod dirett f’sittin pajjiż differenti, grazzi għal ftehim
milħuq mill-Union Europeenne de Cyclisme u l- EBU- Eurovision.

Qabel telaq minn Malta, Nicholas Attard Montalto qal “li din is-sena kienet
waħda intensiva għalija anke f’dak li huwa taħriġ l-iktar matuI dawn
il-jiem tas-sajf u dan dejjem taħt il-ħarsien tal-Kowċ Nazzjonali
tal-Juniors Rachel Darmanin  li ser tkun miegħi f’din il-parteċipazzjoni
storika. Għandi ħeġġa kbira li ser nirrapreżenta lil pajjiżi u għalhekk ser
nagħmel ħilti kollha  f’din il-parteċipazzjoni tant prestiġjuża u fl-istess
waqt impenjattiva ħafna. Ninsab grat ħafna lejn il-Federazzjoni Maltija
taċ-Ċikliżmu, l-Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll SportMalta li ser jgħatuni
din l-opportunita’ unika” temm jgħid Attard Montalto.

Id-delegazzjoni Maltija ser tkun immexxija minn Joe Bajada, Segretarju
Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li ser jattendi wkoll
għall-Laqgha Ġenerali Straordinarja tal-European Cycling Union, kif ukoll
laqgħat oħra bħal tat-Team Managers u anke ma’ Uffiċjali għolja
tal-European Cycling Union fir-rigward tal-preparamenti li għaddejjin biex
Malta tkun tista torganizza l-ewwel kampjonat taċ-Ċikliżmu għal Pajjiżi
ż-Żgħar tal-Ewropa fi ħdan il-European Cycling Union fis-sena 2018 fid-dawl
li l-Belt Kapitali Valletta fl-istess 2018 ser tkun il-Belt Kapitali
tal-Ewropa.

Għal iktar informazzjoni fuq dawn il-kampjonati, wieħed għandu jidħol fuq
www.uec.ch

More in Sports