‘Min jikkritkani, jagħmel dan għax jgħir għalija’ - Cristiano Ronaldo

Huwa iżda qal li dawn l-affarijiet ma tantx jinfluwenzawh, anzi jinstigawh bis-sħiħ biex ikompli jagħti l-massimu tiegħu

Il-fenomenu Portugiż ta' Real Madrid, Cristiano Ronaldo, insista li huwa għadu jinsab fil-quċċata tal-karriera tiegħu u tal-abbiltajiet indiskussi tiegħu fil-futbol. Dan biex ixejjen lil bosta kritiċi li saħqu li fil-finali tal-UEFA Champions League kontra Atletico Madrid, huwa kien ineżistenti u naqas ferm milli jimpressjona. Biex jirribatti għal dan, huwa wieġeb li min iffoka fuq dan iktar milli fuq ir-rebħ tal-11-il UEFA Champions League minn Real Madrid, li kienet ukoll it-tielet waħda mirbuħa minnu, jagħmel dan biss għal raġuni waħda, dik għax jgħir bis-sħiħ għalih.

Huwa kompla jsostni dan il-fatt billi qal li l-bosta kritika li kienet indirizzata lejh f'dawn l-aħħar sigħat fuq kull tip ta' media waslet min-nies li huma ferm għajjurin għalih u għal dak li rnexxielu jikseb fl-isfera tal-football mondjali. Huwa iżda qal li dawn l-affarijiet ma tantx jinfluwenzawh, anzi jinstigawh bis-sħiħ biex ikompli jagħti l-massimu tiegħu kemm għal Real Madrid kif ukoll għat-team nazzjonali li jirrapreżenta lil pajjiżu, il-Portugall.

Madankollu, kollox ma' kollox il-kritika indirizzata lejn Cristiano Ronaldo għandha titqies bħala waħda ġustifikata. Dan hekk kif, kuntrarju għas-soltu, it-tliet darbiet rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb xejn ma bbrilla tul il-120 minuta, iżda mbagħad ta' mexxej naturali li hu, ħa l-inkarigu li jiskorja l-penalty tant importanti li ta t-trijonf lil Real Madrid.

Cristiano Ronaldo jidher li għandu stima kbira tiegħu nnifsu u dan bir-raġun, hekk kif permezz tal-kummenti tiegħu, kompla jsostni l-argument li tabilħaqq huwa għadu n-numru 1 fid-dinja. Dan hekk kif huwa saħaq li għalkemm illum jgħodd il-31 sena, huwa spiċċa bħala l-aqwa skorer ta' din l-iktar kompetizzjoni prestiġjuża fil-football Ewropew b'16-il gowl, fosthom b'gowls ferm importanti kontra Roma u Wolfsburg fit-triq għall-finali. Huwa afferma li l-fatt li plejer jirbaħ din il-kompetizzjoni għal tliet darbiet mhix xi ħaġa daqshekk komuni u li tiġri kuljum lil kwalunkwe plejer.

Cristiano Ronaldo li mistenni jkun protagonista mat-tim nazzjonali Portugiż waqt Euro 2016, afferma li jista' jkun li huwa minnu li fil-finali tal-UEFA Champions League, ma kellux prestazzjoni mill-aqwa bħalma jkollu s-soltu, iżda l-captain tat-tim nazzjonali Portugiż qal li wieħed irid jiftakar li huwa kien għadu ġej minn staġun sħiħ mimli logħbiet kemm fuq livell lokali għalih kif ukoll dak Ewropew, u għalhekk huwa naturali li player ikun tajjeb kemm ikun tajjeb jibda jħoss xi ftit tal-għejja. Iżda huwa kkonkluda li l-iktar importanti huwa l-fatt li hu ta l-massimu tiegħu u li t-tim tiegħu finalment ħareġ rebbieħ.

Cristiano Ronaldo fadallu sentejn oħra fuq il-kuntratt preżenti tiegħu, iżda mill-kummenti tiegħu, kollox qed jindika li l-futur tiegħu se jkun wieħed esklussivament mal-Galacticos, hekk huwa qal li jinsab verament kuntent ma' dan il-klabb bi storja glorjuża u jixtieq li jkompli jikser kull rekord immaġinabbli ma' dan it-tim mill-kapitali Spanjola.

Intant, mistoqsi rigward il-lotterija tal-penalties li kkaraterizzat il-finali, u jekk kienx eċitat qabel ta l-aħħar penalty li kien strumentali għat-tim tiegħu, huwa qal li kien ferm kunfidenti  li kien se jirnexxilu jsib ix-xibka kif fil-fatt għamel.

Fil-fatt, huwa stqarr li kien hu stess li talab lill-kowċ Franċiż, Zinedine Zidane, biex ikun propju hu li jagħti l-aħħar penalty għat-tim tiegħu, għax kien ċert li kien se jirnexxielu jiskorja. Spunt interessanti rigward dan huwa l-fatt li fil-finali tal-2008, propju Cristiano Ronaldo falla mill-11-il metru kontra Chelsea, meta dak iż-żmien kien jilgħab ma' Manchester United, għalkemm xorta waħda fl-aħħar mill-aħħar kienu r-Red Devils li spiċċaw biex ħarġu rebbieħa. Iżda l-istorja tinbidel u wieħed jitgħallem mill-iżbalji li jkun għamel fil-passat - Cristiano Ronaldo huwa tabilħaqq xhieda ċara ta' dan kollu!

More in Sports