Fost l-aqwa plejers li pproduċa l-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin

Roderick Briffa - wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa l-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin, bi rwol indispensabbli kemm għal Valletta, kif ukoll tat-tim nazzjonali Malti, fejn impressjona ferm b’ wirjiet mill-aqwa fis-sena 2015

Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-futbo l?

Meta kont tifel żgħir kont nilgħab il-futbol ma’ sħabi fit-triq. Kien hemm missieri li kien iħobb il-futbol ukoll. Ħija kien jilgħab ukoll, u b’hekk tħajjart biex nibda nilgħab il-futbol man-nursery ta’ Birkirkara. Wara ngħaqadt ma’ Lija Athletic u Pietà Hotspurs, biex imbagħad bdejt l-esperjenza mill-aqwa tiegħi ma’ Birkirkara.

X’irbaħt ma’ dan it-tim?

Irbaħt żewġ Kampjonati ma’ Birkirkara. Hemmhekk lgħabt taħt il-gwida tal-kowċ Stephen Azzopardi, li kien hu li ntroduċieni fil-Premier.

X’inhuma l-fehmiet tiegħek fuq dan il-kowċ?

Bla dubju li huwa wieħed mill-aqwa kowċis li hawn f’pajjiżna.

Bħala eks plejer ta’ Birkirkara u l-fatt li int propju minn dan ir-raħal, tħoss xi emozzjoni partikolari kull darba li taffronta lil dan l-eks tim tiegħek bil-flokk ta’ Valletta?

Ma nħoss xejn partikolari. Jien għandi ħbieb u l-familja tiegħi minn Birkirkara, iżda jien nagħmel xogħli bħala plejer ta’ Valletta u l-ħajja tkompli b’mod normali. 

Lgħabt ukoll għal sena u nofs ma’ Sliema Wanderers, fejn ippermettieli ngħidlek li ma’ dan it-tim ma tantx impressjonajt...

Mhux eżatt. Lgħabt sena u nofs ma’ Sliema Wanderers, iżda fiż-żmien li fih jien kont nilgħab magħhom, riedu jneħħuni minħabba li kellhom problemi finanzjarji. Imbagħad ġew għalija Valletta, u jien mal-ewwel aċċettajt l-offerta tagħhom.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek s’issa mal-Beltin?

Ninsab kuntent ħafna. Magħhom irbaħt kampjonat bla telfa, kampjonat ieħor li kien l-20 wieħed fl-istorja tagħhom, u għalhekk ġiet it-tieni stilla fuq il-flokk Belti. Magħhom irbaħt ukoll l-unur tal-MFA Plejer tas-Sena.

X’fisser għalik dan l-unur personali ferm prestiġjuż?

Kont kuntent ħafna meta rbaħt l-unur tal-MFA Plejer tas-Sena. Dan mhux premju li tirbħu mingħajr tbatija. Huwa premju li trid taħdem ħafna għalih b’ħiltek kollha waqt li importanti wkoll huma sħabek il-plejers. Dan għaliex jien nilgħab il-futbol, li huwa ‘team sport’ ieħor u mhux sport individwali. Biex tirbaħ unur personali, irid jikkontribwixxi kulħadd fit-tim, mill-president ‘l isfel. Dan għaliex ma tistax taqbad il-ballun minn wara, tibqa’ għaddej u tiskorja. Biex tirbaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena, trid tkun veru tajjeb u jiġik kollox favurik, għax hawn Malta hawn diversi talenti tajbin fil-futbol. 

X’tikkummenta dwar il-gowl li permezz tiegħu ssiġġillajt ir-rebħa ta’ 2-0 kontra r-rivali Birkirkara, biex Valletta rebħu t-22 kampjonat?

Dak il-gowl fisser ħafna għalija għax ġie wara storja partikolari. Il-kowċ ta’ dak iż-żmien ried  jibda bl-istess tim tal-logħba ta’ qabel kontra Balzan li fiha jien ma kontx inkluż, minħabba kwistjoni ta’ ammonti ta’ karti sofor, u li għalhekk jien stajt niġi sospiż. B’hekk fil-logħba finali kontra Birkirkara, ma kontx bdejt mal-ewwel 11, u jien kont xi ftit maħruq. B’hekk ir-reazzjoni tiegħi meta skorjajt kienet waħda elettrifikanti. Il-fatt li tidħol fl-azzjoni tard fil-logħba, tiskorja u tirbaħ il-kampjonat, hija xi ħaġa fenomenali.

Meta tilgħab kontra l-aqwa avversarji fid-dinja, bħall-Italja u l-Kroazja, ma tantx tista’ tagħmel mirakli. Kull meta niżbaljaw naqlawha mal-ewwel mill-pubbliku Malti.

X’inhuma l-opinjonijiet tiegħek fuq il-kowċ preżenti ta’ Valletta, Paul Zammit?

Naħseb li kulħadd jaf li bħal Stephen Azzopardi, Paul Zammit, huwa wieħed mill-aħjar kowċis li għandna f’Malta. Huwa kowċ dedikat u professjonali ħafna. Naħseb li m’hemm xejn iktar xi tgħid fuqu. Anki fit-taħriġ, qisu għandek ħabib li tista’ tkellmu fuq kollox.

U fuq il-president ta’ Valletta Victor Sciriha, u l-membri tal-kumitat sħabu?

Il-president Victor Sciriha huwa wieħed ta’ min ifaħħru bis-sħiħ, u anki l-membri sħabu tal-kumitat fosthom il-Viċi-Presidenti Alexander is-’Sunny’ Fenech u Paul Spiteri, li jgħinu ħafna lill-klabb Belti. Naħseb li fil-klab ta’ Valletta, qed tinħass għaqda kbira li huwa fattur ewlieni, għaliex il-partitarji numerużi ta’ Valletta qed jerġgħu jiġu bil-mijiet isegwuna fid-diversi stadia ġewwa Malta.

Qabel il-bidu tal-istaġun, l-iktar minħabba l-fatt li t-tim ta’ Valletta kien kompletament mibdul mill-istaġun ta’ qabel, ftit kien hemm aspettattivi li tabilħaqq Valletta setgħu jiġġieldu għall-unuri prinċipali matul dan l-istaġun. Iżda bħal donnu sikkittu lil kulħadd u qed turu li f’Mejju li ġej, se tkunu hemmhekk biex tkunu sfidanti ewlenin għar-rebħ tal-unuri. X’taħseb li kien is-sigriet li wassal għal dan min-naħa ta’ Valletta?

Il-kowċ tagħna Paul Zammit flimkien mal-kumitat kollu jafu x’inhuma jagħmlu u jaħdmu bil-għaqal ħafna drabi fis-skiet. Ninsabu fl-ewwel post. Irridu nżommu saqajna mal-art. Fadal ħafna logħob għat-tmiem tal-Kampjonat u kif jgħidu t-tiġrija sal-barkun.

Fl-assenza ta’ Jonathan Caruana, int tilbes il-faxxa ta’ captain ta’ Valletta. X’responsabbiltà tħoss kull darba li int tilbes din il-faxxa?

Il-faxxa ta’ captain tat-tim ta’ Valletta tkun tqila wisq però hija xi ħaġa sabiħa li ġġorr din l-faxxa. Dan għaliex fil-passat, il-faxxa ta’ captain ta’ Valletta ġarewwha ċerti plejers b’isem kbir u għalhekk huwa unur kbir li plejer jilbes il-faxxa ta’ captain ta’ Valletta. Tieħu pjaċir tara lill-partitarji Beltin jirreaġixxu fil-pożittiv, meta jarawni nilbes il-faxxa ta’ captain ta’ Valletta. Nirrispetta ħafna lil Jonathan Caruana, għax huwa plejer ferm rispettabli, però fl-assenza tiegħu, meta nkun captain jien ta’ Valletta nħossni ferm kuntent, onorat u kburi.

X’ifisser għalik kull darba li int tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti, biex tirrapreżenta lil pajjiżna? 

Huwa unur kbir li tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti. Għandi tir f’moħħi li nidħol fil-klabb tal-mija billi nilgħab u naqbeż il-100 logħba mat-tim nazzjonali. Huwa minnu li jien qed nikber fl-età, iżda nħoss li għadni fl-aqwa livelli tiegħi fil-futbol kemm ma’ Valletta kif ukoll mat-tim nazzjonali. Madankollu, it-tragward li nilħaq il-100 logħba mat-tim nazzjonali, ma jiddependix għal kollox minni. Dan għax trid tara affarijiet oħra, fosthom li hemm diversi plejers żgħażagħ ta’ talent li jinsabu telgħin tajjeb mat-tim nazzjonali Malti.

Għandek it-tir li tkun il-captain ta’ Malta, jekk Michael Mifsud ma jibqax jokkupa dan l-irwol fit-tim nazzjonali Malti? 

Jien għandi età daqs Michael Mifsud. Għalkemm fil-bidu ta’ dan l-istaġun hu għadda minn perjodu ħażin ma’ Sliema Wanderers, m’hemmx għalfejn ngħid li huwa plejer validu mmens u kulħad jaf x’għamel fl-ispettru tal-futbol Malti. Madankollu, jekk jingħatali dan iċ-ċans, kif diġà kelli, fosthom fl-aħħar logħba f’Firenze, kontra l-Italja, jien inħossni ferm onorat u kburi. Però, sakemm jibqa’ jilgħab Michael Mifsud mat-tim nazzjonali, huwa jibqa’ l-captain.

Jekk insemmielek dak il-gowl kontra r-Repubblika Ċeka, li permezz tiegħu kont ġibt l-iskor indaqs għal Malta, fejn fil-lasti bħala goalkeeper kien hemm Petr Cech, x’tikkummenta? 

Dak kien gowl li huwa ferm diffiċli biex nerġa’ nagħmel ieħor bħalu. Dan għax kien irnexxieli nsib ix-xibka kontra wieħed mill-aqwa goalkeepers tad-dinja, Petr Cech, u li kien għadu ġej mir-rebħ ta’ unur maġġuri u prinċipali ma’ Chelsea. Meta skorjajt lil goalkeeper ta’ din l-istatura mondjali u kontra tim nazzjonali ta’ fama u klassi mondjali bħal mhuwa r-Repubblika Ċeka, fejn kien anki irnexxieli nġib l-iskor indaqs għal Malta sa tmiem l-ewwel taqsima ta’ dak il-konfront, tħossok qed ittir bil-ferħ. Fil-fatt, jekk terġa’ tara l-filmati tal-gowl, tara kemm kont emozzjonat wara li kien irnexxieli nsib ix-xibka!

Niġu issa għall-kowċ tat-tim nazzjonali Pietro Ghedin, li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar kif kien iġġedidlu l-kuntratt mill-MFA għal sentejn oħra. Jidher li dan il-kowċ għandu fiduċja assoluta fik...

Mingħand Pietro Ghedin, titgħallem biss tista’. Huwa kowċ Taljan bravissimu fejn ninsab kuntent li ġġedidlu l-kuntratt mill-MFA għal sentejn oħra. Dan għalkemm tisma’ ħafna tgħajjir u kummenti dispreġġjativi fil-konfront tiegħu. Madankollu, m’hemmx dubju li bħala tim nazzjonali taħt il-gwida ta’ dan il-kowċ, għamilna ħafna avvanzi f’dawn l-aħħar snin.

Però, ir-riżultati baqgħu ma waslux...

Meta waslu r-riżultati? Għidli int...

Naqbel miegħek. Imma ma nistgħux ma nsemmux il-fatt li fl-aħħar grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Euro 2016, lgħabtu kontra wħud mill-aqwa timijiet nazzjonali tad-dinja, fosthom l-Italja u l-Kroazja.

Kulħadd iparla fil-vojt. Meta tilgħab kontra l-aqwa avversarji fid-dinja, fosthom kontra t-timijiet li semmejt int, l-Italja u l-Kroazja, ma tantx tista’ tagħmel mirakli. Kull meta niżbaljaw, naqlawha mal-ewwel mill-pubbliku Malti. Biex nagħti eżempju se nsaqsi mistoqsija, jekk Ronaldo u Messi jiżbaljaw, ifisser li mhumiex tajbin fil-futbol? Tajjeb niftakru li filgħodu, aħna mmorru għax-xogħol u ma nittrenjawx bl-istess intensità daqs dawn il-plejers għax m’aħniex plejers professjonali bħalhom. Dawn ħajjithom futbol biss. Jien ngħid lil min jikkritikana, biex minflokna, jmur hu jilgħab fil-grawnd u jaffronta lil dawn il-ġganti tal-futbol mondjali. Aħna nwasslu sal-livell li wasalna fih, iżda dejjem nippruvaw navvanzaw. Ma tistax tagħmel il-mirakli fil-ħajja. Aħna nilagħbu kontra l-ġganti tad-dinja fil-futbol. Nipproponi lill-FIFA u l-UEFA jagħmlu gruppi għalina l-pajjiżi ż-żgħar, biex nikkompetu kontra xulxin, biex kulħadd ikun tal-istess kalibru tagħna. Hemmhekk iva, jekk ma nġibx riżultati pożittivi kontra dawn it-timijiet, bħalma ġara meta tlifna bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra Ġibiltà kkritikani. Dan għalkemm nixtieq insemmi spunt li konna lgħabna din il-logħba, ftit jiem biss wara li konna spiċċajna l-Kampjonat mat-timijiet rispettivi tagħna. Iżda, xorta waħda, hemmhekk ikkritikani, u naċċetta t-tmaqdir tal-poplu Malti, iżda ma tistax u ma naċċettaha qatt li tmaqdarni meta bħala Malta tlifna bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra timijiet nazzjonali meqjusa bħala ġganti tal-futbol mondjali, bħal mhuma l-Italja, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka u oħrajn - jiddispjaċini.

Għandi tir f’moħħi li nidħol fil-klabb tal-mija billi nilgħab u naqbeż il-100 logħba mat-tim nazzjonali

X’emozzjoni tħoss meta tilgħab kontra plejers ta’ fama u klassi mondjali mat-tim nazzjonali?

Ovvjament, tieħu gost li tkun qed tilgħab fl-istess grawnd ma’ dawn il-plejers ta’ fama u klassi mondjali. Dan għax il-fatt li filli tkun qed tarahom fuq it-televixin jilagħbu mal-aqwa timijiet tad-dinja u filli tarahom jilagħbu ħdejk kontrik, hija tassew emozzjoni inspjegabbli.

Hekk per eżempju int li żżomm ma’ Tottenham tal-Ingilterra, lgħabt kontra Luka Modric u Christian Eriksen, meta bħala tim nazzjonali Malti affrontajtu lill-Kroazja u lid-Danimarka, rispettivament. X’ħassejt dak il-ħin?

Ovvjament ħadt pjaċir immens u kienet emozzjoni kbira għalija. Barra minn hekk, meta bħala Nazzjonal, lgħabna kontra t-timijiet nazzjonali li magħhom jilagħbu dawn it-tliet plejers li int semmejt jiġifieri l-Kroazja u n-Norveġja, wara l-logħba rnexxieli nibdel il-flokk li jien kont lgħabt bih ta’ Malta mal-flokk li kienu lagħbu bih huma mat-timijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Huma kits li ngħożż ferm f’ħajti. Barra minn hekk, nixtieq insemmi wkoll li għandi l-flokk ta’ Andrea Pirlo, li kien bidel il-flokk tiegħu ma’ tiegħi, meta kont għadni plejer ta’ Birkirkara, u konna affrontajna lil AC Milan f’logħba ta’ ħbiberija li kienet intlagħbet fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, f’Jannar tal-2007.

Temmen li teżisti l-problema tal-korruzzjoni relatata mal-betting f’Malta? U jekk iva, kemm temmen li din hi kbira?

Jien nemmen li teżisti l-problema tal-korruzzjoni fil-futbol Malti, iżda nħoss li xi wħud ikabbru u jesaġeraw din il-problema. Il-problema tal-korruzzjoni teżisti kullimkien anki f’kampjonati f’pajjiżi kbar bħall-Ingilterra u l-Italja, fejn naraw skors kbar ta’ 6-0 jew 7-0. Allura nistaqsi possibi li dawn il-logħbiet kollha jkunu mbagħbsa? Din twassalni għal mistoqsija oħra: Possibli li l-logħbiet tal-futbol f’Malta ikunu kollha mbagħbsa? Żgur li dan ma jistax ikun u mhuwiex minnu. Jekk hawn min jaħseb hekk, allura naqbdu  nagħlqu l-bibien tal-istadia kollha u ma nilagħbu xejn.

Int li użajt l-aqwa riżorsi u lgħabt fl-aqwa stadia madwar id-dinja mat-tim nazzjonali Malti, kif tikkumpara dawn ir-riżorsi u stadia meta mqabblin ma’ dawk li int tuża regolarment f’pajjiżna ma’ Valletta?

Il-fatt li hawn timijiet kbar f’Malta, li lanqas biss għandhom grawnd fejn jittrenjaw hija xi ħaġa ferm inkwetanti. Dan ma jgħoddx biss għall-futbol biss f’pajjiżna, iżda aħna fuq futbol qed nitkellmu. Barra minn Malta, kif diġà għidtlek, it-timijiet huma professjonali, u aħna m’aħniex. Iżda m’hemmx dubju li bħala riżorsi fejn nittrenjaw u nilagħbu, għad fadlilna ħafna x’nitgħallmu minn dawk ta’ pajjiżi oħra barra minn Malta. Inħoss li f’dan ir-rigward, pajjiżna għadu naqra lura biex jilħaq il-livelli ta’ dawn il-pajjiżi.

Bħala plejer li ksibt daqstant suċċess fil-futbol Malti, fejn nistgħu ngħidu li rbaħt kull m’għandu x’joffri dan il-futbol, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol. Barra minn hekk, nixtieqek tgħaddi messaġġ lill-partitarji ferm ferventi u numerużi Beltin, li isegwukom mill-qrib fid-diversi stadia li tkunu mpenjati fihom madwar Malta. 

Bħala żgħażagħ, ngħidilhom li mhux għax ikollhom logħbiet tajbin mal-ewwel jibdew jaraw kbir, tikbrilhom rashom u jaħsbu li laħqu s-sema, għax fil-futbol bħal fil-ħajja, filli fuq u filli isfel. Ngħidilhom biex dejjem jimxu fuq il-passi li jtuhom il-kowċis rispettivi tagħhom fl-iżvilupp tagħhom fil-futbol, u jibqgħu jitgħallmu meta jitilgħu minn kategorija għall-oħra fil-futbol, għax iktar ma tikber, iktar ma taf xejn. Intant, bħala partitarji ta’ Valletta, ngħidilhom biex jibqgħu warajna u jibqgħu juru fiduċja fina sa tmiem l-istaġun. Nafu li mill-bidu tal-istaġun kellna tim kompletament ġdid, u għalhekk għandhom jistaportuna, għalkemm ir-riżultati qed jaslu. Dan għandu jwassal biex f’Mejju li ġej, nisfidaw għar-rebħ tal- Kampjonat BOV Premier, kif żgur li jixtiequ huma. Aħna se naħdmu għal dawn l-għanijiet. Naħseb li l-partitarji ta’ Valletta, qed jindunaw li għandna tim ferm magħqud u qed niġbdu ħabel wieħed, biex finalment nilħqu dawn it-tragwardi flimkien.

More in Sports