Meta l-Canoeing jiġi kkombinat mal-Waterpolo

Karl Borg - Kowċ u plejer tal-Malta Canoe Polo Club, li jagħti d-dettalji kolha rigward l-isport relattivament ġdid tal-Canoe Polo, fejn il-canoeing jiġi kkombinat b’mod eċċezzjonali ma’ dak tal-waterpolo.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport in ġenerali?

Meta kont tifel żgħir kont inħobb nilgħab il-futbol ma’ sħabi bħala delizzju. Wara qlibt l-isport u bdejt niffoka fuq il-handball, fejn kont nilgħab ma’ Phoenix u Aloysians. Iżda mbagħad sofrejt minn injury fl-irkoppa u qlibt l-isport għal dak li nipprattika llum il-ġurnata, jiġifieri l-canoe polo.

Ġieli titħajjar li terġa’ lura għall-handball?

Din hija domanda li jsaqsuhieli ħafna minn sħabi fejn iħajruni ħafna biex nerġa’ nirritorna għall-handball, iżda l-isport tiegħi llum huwa l-canoe polo, u qiegħed niffoka fuqu biss. Madankollu, għadni nsegwi mill-qrib lil sħabi l-plejers tal-handball u lit-timijiet rispettivi tagħhom. 

Nibdew billi tagħtina introduzzjoni dettaljata tal-isport tal-Canoe Polo.

Il-Canoe Polo li huwa magħruf ukoll bħala Kayak Polo, huwa wieħed mid-dixxiplini kompetittivi tal-canoeing. Dan l-isport jikkombina flimkien l-isport tal-canoeing u ħiliet ta’ kif wieħed iżomm il-ballun li jirriżultaw f’logħba ta’ kuntatt eċitanti, fejn it-tattika u l-pożizzjoni fil-pitch huma importanti daqs il-veloċità u l-fitness tal-atleti individwali. 

Il-logħba tirrikkjedi teamwork eċċellenti u tippromwovi kemm ħiliet ġenerali fil-canoeing kif ukoll diversi tekniki oħra li huma uniċi għal dan l-isport. Kull tim ikollu ħames plejers fil-pitch u sa tliet sostituti li jikkompetu bejniethom biex jiskorjaw fil-lasta avversarja li tkun sospiża żewġ metri ’l fuq mill-ilma. Il-ballun jista’ jiġi xxuttjat bl-id, jew inkella fflikkjat bil-pedala biex jiġi mgħoddi bejn il-plejers li finalment ikunu jistgħu jixxuttjaw lejn il-lasti rispettivi

Il-canoes huma speċifikament iddisinjati għall-polo u huma iktar veloċi u iktar ħfief minn canoes tipiċi u li jippermettulhom biex jagħmlu manuvri fantastiċi. L-imqadef huma ħfief u ddisinjati b’tali mod li wieħed ikun jista’ jikkontrolla l-ballun b’mod tajjeb. Tajjeb ngħidu li f’dan l-isport huwa obbligatorju li kull plejer jilbes ilbies protettiv, elmi kif ukoll guards tal-wiċċ. Normalment, il-logħba hija deskritta bħala kombinazzjoni ta’ waterpolo, basketball u kayaking. 

Meta beda jiġi pprattikat dan l-isport?

It-twelid ta’ dan l-isport modern jista’ jkun ikkunsidrat li kien l-avveniment ta’ dimostrazzjoni li ġie organizzat fl-esibizzjoni nazzjonali tal-Canoeing fi Crystal Palace f’Londra, lura fl-1970. 

B’rispons għall-interess li ġie kkreat f’dan l-avveniment, ġie ffurmat l-ewwel sotto-kumitat tal-British Canoe Union, u kien propju dan il-kumitat li żviluppa l-logħba moderna tal-canoe polo kif nafuha llum il-ġurnata, biex beda jintlagħab b’mod uffiċjali f’Duisburg fil-Ġermanja, lura fl-1987.

F’liema pajjiżi tintlagħab din il-logħba?

Il-logħba tintlagħab f’ħafna pajjiżi għal skop ta’ rikreazzjoni kif ukoll bħala sport kompetittiv. Kull sentejn jiġu organizzati l-Kampjonati Mondjali ta’ dan  l-isport, waqt li ta’ kull sena bejn dawn il-Kampjonati Mondjali, jiġu organizzati Kampjonati Ewropej, Asjatiċi, Afrikani u fl-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel. Internazzjonalment, l-isport huwa organizzat mill-Kumitat tal-Canoe Polo fi ħdan il-Federazzjoni Internazzjonali tal-canoeing, bħala waħda mid-dixxiplini tal-isport tal-canoeing.

Xi tgħidilna fuq it-tattici ta’ din il-logħba?

It-tattiċi tal-logħba huma l-istess bħal dawk tal-basketball u tal-waterpolo, iżda biż-żieda tal-canoes, li jistgħu jiġu użati biex jaffrontaw plejer tat-tim avversarju li jkollu l-pussess tal-ballun, jew biex jirbħu l-pożizzjoni meta jkunu sitt metri ’l bogħod mil-lasta. F’dan l-isport, bħal kull sport ieħor fid-dinja, jeżistu diversi tattiċi ta’ attakk u anki ta’ difiża, kollha b’varjazzjonijiet diversi.

U fuq l-uffiċjali ta’ din il-logħba?

Fil-logħba jkun hemm żewġ referis (wieħed fuq kull linja) u huma  jkunu bil-wieqfa u mhux fuq id-dgħajjes. L-iskor jiġi miżmum mill-iscore keeper waqt li t-team keeper jieħu nota tal-ħin milgħub u tal-ħin li fih jitkeċċew il-plejers. Il-goal lines jiġu osservati minn żewġ line judges. Tajjeb ngħidu li qabel tibda l-logħba, l-uffiċjali tal-logħba jiċċekkjaw l-ilbies tal-plejers kollha biex jaraw jekk dawn ikunux skont ir-regolamenti tal-logħba. 

Rigward il-pitch fejn tintlagħab din il-logħba, dan irid ikollu xi dimensjonijet partikolari jew jista’ jintlagħab f’kull pitch ta’ kull daqs differenti?

Il-canoe polo jintlagħab kemm f’indoor pools kif ukoll f’pixxini għall-apert u li għandhom ikunu kbar 35 metru bi 23 metru. Il-fruntieri tal-pitch għandhom idealment ikunu mmarkati bi ħbula, għalkemm meta l-logħba tintlagħab f’pixxini iżgħar, normalment jintużaw it-trufijiet tal-pixxina. 

“Sofrejt minn injury fl-irkoppa u qlibt l-isport għal dak li nipprattika llum il-ġurnata, jiġifieri l-canoe polo”

Iż-żona ta’ kważi sitt metri quddiem il-lasta tista’ tiġi definita bħala ż-‘Zone’. Din iż-żona tkun dik fejn plejers difensuri jikkreaw formazzjonijet biex jiddefendu l-lasta mill-attakkanti avversarji.

Bħala ħin kemm iddum tintlagħab il-logħba tal-canoe polo?

Il-logħba hija uffiċjalment milgħuba f’ħin ta’ bejn 14 u 20 minuta, li tikkonsisti minn żewġ taqsimiet ta’ bejn 7 u 10 minuti l-waħda. Kull tim jibdel in-naħa tal-pitch fil-half-time, li jdum bejn minuta u tliet minuti. Kull taqsima tibda bi ‘sprint’ fejn kull tim joqgħod mal-linja tal-gowl (bħalma jsir fil-waterpolo), u l-ballun jintefa’ f’nofs il-pitch mir-referi. Plejer wieħed minn kull tim jisprintja biex jirbaħ il-pussess tal-ballun.

Riċentament ġie introdott dak li huwa magħruf bħala shot clock biex tiżdied il-veloċità fil-logħba. Tina iktar dettalji rigward dan.

Ix-shot clock jintuża hekk kif it-tim li jkun qed jattakka għandu ċans ta’ 60 sekonda biex jixxuttja fil-lasta, jew inkella jitlef il-pussess tal-ballun. L-istess apparat imur lura għal żero meta l-ballun jigi interċettat mit-tim avversarju jew meta t-tim li jkun qed jattakka jitlef il-pussess. Ix-shot clock huwa żieda addizzjonali li ġiet introdotta riċentament fir-regolamenti ta’ dan l-isport, u minħabba li dan huwa kemmxejn għali biex wieħed jixtrieħ kif ukoll kemmxejn kumpless biex jintuża, ma jiġix użat madwar id-dinja kollha.

Plejers Maltin jittrenjaw l-isport tal-canoe polo fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq
Plejers Maltin jittrenjaw l-isport tal-canoe polo fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq

Xi tgħidilna fuq ir-regolamenti ta’ dan l-isport kemmxejn innovattiv?

 Ħafna mir-regolamenti ta’ dan l-isport jikkonċernaw is-sigurtà tal-plejers involuti u huma ddisinjati propju biex iżommu r-ritmu tal-logħba mgħaġġel kemm jista’ jkun, biex dan l-isport jibqa’ eċitanti kemm għall-plejers involuti fil-logħba kif ukoll għall-ispettaturi li jkunu qed isegwu l-logħba mill-istands rispettivi. 

Niġu issa għal pajjiżna. Meta ġiet introdotta din il-logħba f’Malta?

F’Malta din il-logħba tmur lura għall-2002 meta ftit entużjasti tal-canoes iddeċidew li jinkludu ballun tal-waterpolo matul is-sessjonijiet tagħhom bil-canoes. Għall-ewwel din kienet tkun attività  ta’ gost bejn il-ħbieb, li kienu jorganizzaw il-logħbiet tagħhom fil-pitch tal-Waterpolo ta’ Valletta, f’Chadwick Lakes jew sempliċiment fil-baħar. Il-maġġoranza tal-ewwel sitt persuni li kienu jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet, għadhom jiffurmaw parti mill-Malta Canoe Polo Club sal-lum il-ġurnata, fejn jgħallmu l-logħba lil min għadu qed jibda jippratikka dan l-isport. Dan il-klabb kompla jikber tul il-medda tas-snin, tant li f’Mejju ta’ din is-sena, l-istess klabb ipparteċipa fl-ewwel tournament organizzat mill-U.R.K.V. Michiel de Ruyter Canoe Polo Club, fejn ħadu sehem xejn inqas minn 48 tim. Il-logħbiet gew organizzati fix-Xmara Amstel f’Uithoorn, fl-Olanda. Il-klabb Malti lagħab kontra seba’ timijiet internazzjonali, u rnexxielu jikseb rebħiet kontra erbgħa minn dawn is-seba’ timijiet. Apparti milli kkompetew f’dawn il-logħbiet, il-membri tal-klabb Malti servew ukoll bħala referis matul logħbiet oħra li ma kinux involuti fihom. 

Ilbieraħ ġie organizzat għall-ewwel darba f’pajjiżna l-Malta Open Canoe Polo Tournament ġewwa Baċir Nru 1, f’Bormla. X’deherlek minn dan?

Fil-fatt ipparteċipaw ħames timijiet ġejjin minn żewġ pajjiżi Mediterranji. It-tim ospitant ta’ Malta kien ilu jipprepara ħafna għal din il-kompetizzjoni permezz ta’ taħriġ intensiv. Dan involva xhur ta’ taħriġ li żdiedu fl-intensità tagħhom matul l-aħħar ġimgħat, biex il-klabb Malti seta’ jinkludi żewġ timijiet għal dan it-tournament. Finalment, dan it-tournament irriżulta bħala wieħed ta’ suċċess kbir. 

Wieħed li jixtieq jibda jipprattika dan l-isport kif jista’ jagħmel biex jagħmel kuntatt mal-Malta Canoe Polo Club jew inkella mal-Federazzjoni Maltija tal-Canoeing?

Wieħed jista’ jikkuntattja lill-Malta Canoe Polo Club billi jibgħat email fuq [email protected] jew billi jidħol fil-paġna uffiċjali tal-istess klabb fuq Facebook. 

“F’dan l-isport huwa obbligatorju li kull plejer jilbes ilbies protettiv, elmi u guards tal-wiċċ. Normalment, il-logħba hija deskritta bħala kombinazzjoni ta’ waterpolo, basketball u kayaking.”

Wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lir-rappreżentant tal-media ta’ dan il-klabb, Chris Mangion fuq in-numru ċellulari 99983576 jew inkella billi jibgħatlu email fuq l-indirizz elettroniku [email protected]

More in Sports