Keith Galea lura minn training camp ta’ suċċess fil-Polonja

Keith Galea fl-azzjoni waqt it-training camp fil-Polonja
Keith Galea fl-azzjoni waqt it-training camp fil-Polonja

Iċ-champion ta’ Malta tat-triathlon, Keith Galea, għadu kemm ġie lura minn taħriġ intensiv ta’ ġimgħa ġewwa l-Polonja. Dan it-training camp sar grazzi għall-Olympic Solidarity Programme  tal-Kumitat Olimpiku Malti. Fil-fatt, Keith Galea, ingħata dan l-ischolarship ta’ training camps bħala atleta prospettiv għal-Logħob tal-Mediterran tal-2017.

Galea kien taħt il-gwida stretta tal-kowċ tiegħu kif ukoll tal-kowċ tat-tim nazzjonali tat-triathlon, ħuh Dermot Galea. F’dan it-taħriġ Galea ffoka sew fuq it-tliet dixxiplini bit-tentattiv li jtejjeb il-livell tiegħu f’dan l-isport u jilħaq l-aqwa forma ta’ ħajtu għall-għanijiet tiegħu li huma fl-aħħar tal-istaġun. F’ġimgħa ta’ taħriġ intensive, Galea għamel total ta’ 30km għawn, 550km rota u 80km ġiri. Galea ħa sehem ukoll f’tellieqa tar-roti ta’ 80km fejn 30km minnhom kienu kollha tlajja iebsin. Avolja kienet parti mit-taħriġ tiegħu Galea mar tajjeb ħafna fejn ġie fl-20 post minn 150 ċiklist. 

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal Keith qal li jinsab sodisfatt ħafna bl-andament tat-taħriġ fejn ħassu li mar tajjeb. Fil-fatt huwa rnexxielu jnaqqas il-ħinijiet tiegħu konsiderevolment f’ċerti sessjonijiet. It-taħriġ kien wieħed diffiċli imma huwa għamel l-almu tiegħu biex jisfrutta l-potenzal ta’ dan it-training camp. 

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ukoll mal-kowċ Dermot Galea, fejn qal li jinsab sodisfatt ħafna kif mar ħuh Keith, fejn impressjonah għax felaħ ammont kbir ta’ taħriġ u għax għamel ħinijiet tajbin f’ċerti sessjonijiet li ma kienx qed jistenniehom minħabba l-ammont kbir ta’ taħriġ. Dan jawgura tajjeb għax dan it-taħriġ li kien iffukat għax-xhur ta’ Settembru u Ottubru fejn Galea għandu tlielaq importanti ħafna.

Filfatt f’Settembru, Galea għandu l-Kampjonati Nazzjonali tal-Polonja tat-Triathlon, il-Kampjonati Nazzjonali tal-Aquathlon u tal-isprint distance triathlon u l-aħħar tellieqa tal-Birkirkara St Joseph Triathlon Series fejn Galea għandu ċ-ċans jirbaħ dan is-series għat- tmien darba fil-karriera tiegħu. F’Ottubru Galea għandu l-Kampjonati Nazzjonali tat-triathlon u International Sprint distance triathlon ta’ San Vito lo Capo ġewwa Sqallija.

Qabel ma ħalla Malta għat-training camp, Galea rebaħ l-ewwel tellieqa tal-Birkirkara St Joseph Triathlon Series u ġie fit-tieni post fit-tieni tellieqa tal-Birkirkara St Joseph 5km Running Series wara l-atleta professjonali mill-Portugall, Bruno Lima. Galea jinsab fl-ewwel post fil-klassifika ġenerali taż-żewġ serje. L-aħwa Galea xtaqu jirringrazzjaw lill-Kumitat Olimpiku Malti ta’ din l-opportunità, lill-Malta Triathlon Federation tas-sapport kontinwu tagħhom u lill-ħabib tagħhom, il-Pollakk, Piotr Yanuszewski, tas-sapport u l-għajnuna tiegħu waqt li kienu fil-Polonja.

Intant, il-Mochika- Outdoor Life huma l-isponsors il-ġodda taċ-champion ta’ Malta tat-Triathlon, Duathlon u Aquathlon, Keith Galea. Galea ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club se jkun qed jieħu sehem f’diversi tlielaq lokali kif ukoll fi tlielaq internazzjonali, u allura għandu bżonn l-aqwa sapport biex ikun jista’ jagħti l-massimu tiegħu fit-tlielaq.

Il-Mochika - Outdoor Life, li qegħdin fi Mdina Road ġewwa Ħal-Qormi, jispeċjalizzaw fi prodotti biex wieħed jevita l-injuries u fi prodotti biex wieħed itejjeb il-prestazzjoni tal-atleti u se jkunu qed jissapportjaw lil Keith Galea bl-aqwa ditti ta’ running shoes, garments u nutrition li jinkludu Saucony, Compressport, Superfeet, Maxinutrition, Julbo, Sportique, Zamst u Mule Bar. Mochika - Outdoor Life jissapportjaw numru ta’ atleti u Sports Clubs. 

Keith Galea li bħalissa huwa l-aqwa wieħed f’pajjiżna fl-isport ferm impenjattiv tat-triathlon, jinsab kuntent hafna li l-Mochika se jkunu l-isponsors il-ġodda tiegħu u qed iħares ’il quddiem biex jikkompeti b’dawn il-prodotti li joffru l-Mochika u se jagħmel minn kollox biex jgħinhom u jirrapreżentahom bl-aħjar mod possibli

Keith Galea li bħalissa qiegħed taħt l-iskema tal-KMS, Flexi Training Scheme, u li rrapreżenta lil Malta fl-ewwel logħob tal-Ewropa li saru f’Baku ġewwa l-Azerbaijan, qed ikollu staġun brillanti ħafna fejn s’issa rebaħ xejn inqas minn 13-il tellieqa din is-sena, fosthom, il-famuża Dingli 10 miles, it-tielet titlu nazzjonali tad-Duathlon, ir-rebħa ta’ Custonaci - Cornino Triathlon ġewwa Sqallija u r-rebħ tal- Kampjonati Nazzjonali tal-Mountain Running.

More in Sports