Neville Ciantar u Thomas Tanti jiksbu t-tielet post fil-Kompetizzjoni Ultra 4 Europe King of Wales

Vettura ta’ Nusu Offroad Racing Team
Vettura ta’ Nusu Offroad Racing Team

Suċċess kbir għal Nusu Offroad Racing Team li kkompetew f’kompetizzjoni prestiġjuża Ultra 4 Europe King of Wales - avveniment internazzjonali li sar bejn il-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 ta’ Awissu f’Wales.

Wara li spiċċa fit-tielet post fl-ewwel kompetizzjoni, tal-Ultra 4 Europe Series, Nusu Offroad Racing Team ta’ Neville Ciantar bil-vettura tiegħu Rover V8 Goat off roader, flimkien ma’ Thomas Tanti bħala navigatur u t-tim back up tagħhom temmew l-avventura mill-ġdid fit-tielet pożizzjoni ġenerali. Dan jista’ jitqies bħala suċċess kbir meta wieħed iqis li huma kkompetew ma’ timijiet ġejjin mir-Renju Unit, il-Portugall, l-Amerika, il-Belġju, Franza, l-Italja u l-Olanda fost oħrajn.

Nusu Offroad Team kien preċedut minn WSR Racing ta’ Nicholas Montador minn Franza u Big Rock F-Racing ta’ Filipe Guimaraes tal-Portugall, li spiċċa fit-tieni post ġenerali.

Tim ieħor Malti, Pitass Racing ta’ Alan Zahra temm l-avventura tiegħu fl-14-il post fost 42 tim li ħa sehem.

Wara dawn l-ewwel żewġ kompetizzjonijiet, Nusu Offroad Racing Team, issa jinsab fit-tieni post overall fil-Ultra 4-Ewropa Series. Ir-rawnd li jmiss f’din is-sensiela huwa l-King of Portugal bejn id-9 u t-12 ta’ Settembru, fil-Portugall.

More in Sports