Ġimgħa ta’ futbol eċitanti… b’diżappunt għal Maltin

It-Tazza tad-Dinja din il-ġimgħa offriet logħob spettakolari u riżultati sorprendenti. Fost l-oħrajn ġie ddikjarat it-tmiem tar-renju
Spanjol, iċ-ċampjins tad-dinja u tal-Ewropa li ġew eliminati wara biss żewġ logħbiet. Minkejja x-xalata ta’ gowls, ir-riżultati ftit li xejn
daħqu lis-segwaċi Maltin… L-Ingilterra ġiet eliminata diġà filwaqt li t-Taljani qed jirriskjaw l-istess xorti wara t-telfa sorprendenti
kontra l-Kosta Rika. James J. Piscopo jagħti ħarsa lejn x’ġara fl-aħħar jiem bir-ritratti.

L-ewwel jiem ta’ din il-ġimgħa ġew iddominati mill-‘mirakli’ tal-gowler Messikan Guillermo Ochoa, li salva diversi drabi r-riżultat għal pajjiżu kontra l-Brażil. Ironikament, Ochoa bħalissa jinsab bla xogħol wara li ma ġġeddidlux il-kuntratt. Għalkemm Ochoa kien strumentali biex il-Brażil ma jiskurjawx, xorta waħda wieħed jista’ jsemmi li anke f’din il-logħba l-Brażil ma mpressjonaw xejn u fadlilhom x’jaqdfu jekk tassew iridu jirbħu l-ewwel tazza tad-dinja f’arthom.

L-ewwel ħarġa tal-Portugall f’din il-kompetizzjoni kienet diżastruża. Id-difensur Portugiż Pepe (xellug) tkeċċa wara argument sħun li kellu mal-Ġermaniż Thomas Muller (lemin), tkeċċija li affettwat l-andament tal-logħba li spiċcat 4-0.

Luis Suarez skurja doppjetta kontra l-Ingilterra, fosthom din id-daqqa ta’ ras wara kontrattakk veloċi. Żewġ goals mill-attakkant ta’ Liverpool li bagħat lill-Ingilterra jippakkjaw lura għad-dar.

Kontra kull mistenni, Spanja kienet l-ewwel pajjiż eliminat minkejja li kienet meqjusa bħala waħda mill-favoriti għar-rebħa finali.

Quddiem ir-rebħa kbira kontra l-Portugall, qas il-kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ma setgħet taħbi l-ferħ tagħha għal din il-prestazzjoni…

Jidher li l-attakk se jkun l-aqwa arma ta’ Franza, li f’żewġ logħbiet diġà skurjat 8 gowls anke jekk wieħed jista’ jgħid li l-oppożizzjoni dejjem kienet inferjuri; 5 kontra l-Isvizzera u 3 kontra l-Honduras.

B’din id-daqqa ta’ ras ta’ Bryan Ruiz, il-Kosta Rika ħadu t-tliet punti kontra l-Italja, u l-ewwel kwalifikazzjoni għal pajjiż li ssorprenda bil-bosta, telfa kontra l-Urugwaj tfisser eliminazzjoni għat-Taljani.

More in Sports