'Irrispetta lill-avversarji tiegħek - b’hekk tkun qed teżerċita wieħed mill-valuri Olimpiċi'

Mario Bonello – perit, iżda wkoll wieħed mill-aqwa atleti li pproduċiet l-atletika f'pajjiżna f'kull żmien. L-ILLUM tiltaqa' miegħu 

Mario Bonello, huwa  perit iżda wkoll wieħed mill-aqwa atleti li pproduċiet l-atletika f'pajjiżna f'kull żmien. Rebaħ bosta unuri prestiġjużi kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Ipparteċipa fil-Logħob Olimpiku ta’ Atlanta 1996 u Sydney 2000. L-ILLUM tistaqsih: 

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta' sport ieħor?

Bdejt nipprattika ħafna mill-isports popolari ta’ età żgħira fil-Kulleġġ ta’ De La Salle. Kont nieħu gost nikkompeti fl-atletika għalkemm ma tantx kont nitħarreġ għaliha. Dak iż-żmien kont niffoka ħafna fuq il-basketball u kont inħoss li kelli talent. Minkejja kollox meta bdejt nikber, irrealizzajt li ma tantx kont ser nitwal u kien għalhekk li grazzi għall-pariri siewja tal-għalliema li kelli tal-Edukazzjoni Fiżika bdejt nieħu l-atletika aktar bis-serjetà. Niftakar il-mibki iżda qatt minsi Alfred Bajada li ggwidani ferm għal din l-għażla tant li sar l-ewwel kowċ tiegħi tal-atletika meta kelli 17-il sena. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li rnexxieli nikseb riżultati tajbin fuq livell nazzjonali fl-ewwel mumenti tiegħi f’dan l-isport.

Sakemm kelli 20 sena kont nitħarreġ kemm ma’ La Salle AC kif ukoll ma’ Birkirkara Basketball Club taħt il-gwida tal-kowċ Paul Fenech. Eventwalment kelli nagħżel u mort għall-atletika.

X'ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Kif għedtlek aktar qabel, kelli potenzjal li nispikka iktar f’dan l-isport. Kien jogħġobni ħafna l-metodu ta’ taħriġ kif ukoll it-teknika li atleta jħaddan. Il-fatt li stajt nikser xi rekords nazzjonali, nipparteċipa f’avvenimenti prestiġjużi bħal kampjonati dinjija, il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, il-logħob Universitarju u l-Logħob Olimpiku tani motivazzjoni żejda sabiex nagħżel l-atletika.

Dan l-istess sport għoġobni għax huwa wieħed individwali u minn dejjem emmint li jekk titħarreġ aktar, ir-riżultati ser ikomplu jitjiebu. Illum il-ġurnata anzi ngħid li min jitħarreġ kif suppost u  jżomm il-konsistenza ser ikollu l-aqwa riżultati. Nemmen li l-konsistenza hi ingredjent importanti għas-suċċess.

Min kienu dawk il-persuni li l-aktar influwenzawk fl-atletika?

Għandi x-xorti ngħid li tul il-karriera kollha tiegħi, kemm bħala atleta kif ukoll bħala kowċ, iltqajt ma’ numru ta’ persuni li ggwidawni sabiex intejjeb l-għarfien tiegħi fuq l-isport. Alfred Bajada kien jurina kontinwament li wieħed għandu jpoġġi moħħu hemm għax meta tipprattika sport individwali trid tirnexxi waħdek. Fl-istess waqt kelli wkoll numru ta’ kowċis Taljani li wkoll tawni pariri tajbin foshom il-Head Coach Antonio La Guaria u Donato Sabia. Għal La Guardia kien importanti li titħarreġ kif suppost filwaqt li Sabia tani ċ-ċans nara aktar mill-viċin ir-realtà tal-atletika fl-ogħla livell. Persuni oħra li ħallew impatt fuqi kienu Gino Mallia, il-mibki John Taylor u Saviour Spiteri li xi darba kienu l-kowċis tiegħi.

Irrid ngħid ukoll li atleta ma jdurx biss fuq il-kowċ iżda wkoll fuq membri oħra fosthom tobba u fiżjoterapisti. Jien kelli lit-tabib John Buhagiar li kien qed jieħu ħsiebi l-istess bħalma kien jagħmel il-fiżjoterapista Alan Zammit li fi żmienu kien ukoll sprinter.

Ma nistax ma nsemmix lill-familja tiegħi. Il-ġenituri tawni l-appoġġ kollu neċessarju tant li ħarġu ħafna flus għalija sabiex ntejjeb il-ħiliet tiegħi. Ma rridx ninsa lill-mara tiegħi Katya li nsejħilha bħala dik il-persuna li mexxietni ’l quddiem bl-appoġġ morali tagħha. Ġieli kien ikolli xi ġranet mimlija stress iżda għall-grazzja t’Alla hi kienet tagħmilli ħafna kuraġġ.

Liema unuri prinċipali rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Naħseb li l-iktar unuri li nibqa’ ngħożż kienu t-18-il midalja li rbaħt fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa. Dan għamiltu fi spazju ta’ 16-il sena. Minkejja kollox ngħożż ukoll xi unuri oħra li rnexxieli nirbaħ fosthom l-Isportiv tas-Sena 1999 mill-Għaqda Kittieba Sports u anke l-midalja tad-deheb mirbuħa fil-200 metru u oħra tal-fidda fil-100 metru waqt il-kampjonati dinjija tal-2009. Il-midalja tad-deheb kienet l-ewwel unur mirbuħ minn atleta Malti f’kompetizzjoni dinjija. Anke fil-European Masters irnexxieli nieħu d-deheb u dan imlieni f’sodisfazzjon kbir.

Niftakar b’ċertu sodisfazzjon is-semifinali tal-200 metru waqt il-logħob Universitarji tal-1997 u l-midalja tad-deheb li rbaħt fir-relay waqt il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar tal-2005. Irnexxieli wkoll inwettaq rekord nazzjonali darbtejn u dan għadu jgħodd sal-lum il-ġurnata.

Bla dubju meta ġejt magħżul biex nipparteċipa fil-logħob Olimpiku ta’ Atlanta 1996 u Sydney 2000 ħassejtni ferm kburi li kont qed nirrappreżenta lil pajjiżi.

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek fil-karriera?

Il-ħinijiet tiegħi fil-100 metru, 200 metru u 400 metru komplew jitjiebu bil-mod il-mod sal-età ta’ 29 sena. Minn dejjem kont nippreferi t-tlielaq tal-200 metru minħabba li saqajja joqogħdu iktar għal din it-tip ta’ ġirja. Apparti minn hekk kont nieħu gost nitħarreġ f’din il-kategorija filwaqt li l-iktar li kont immur tajjeb fiha.

L-aqwa ħin tiegħi fil-100 metru kien ta’ 10.64 sekondi fl-aħħar ġurnata ta’ kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi ta’ Sydney. Kont iktar konsistenti fil-200 metru fejn kont qed niġri taħt il-21.70 sekonda bl-aqwa ħin ikun ta’ 21.46 sekonda fl-2003. It-Taljani kienu laqqmu l-ġirja tal-400 metru bħala “il giro della morte”, għalkemm jien ma tantx kien jogħġobni bħala isem. F’din il-kategorija jien ġrejt f’ħin ta’ 48.78 sekonda.

Ir-relay kien avveniment ieħor li kont nieħu gost fih u t-tim għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ta’ Andorra 2005 kien jikkonsisti minn membri oħra li flimkien rnexxielna nġibu ħin rekord ta’ 40.63 sekonda. It-tim kien magħmul minn Jeandre Mallia, Rachid Chouhal u Darren Gilford. Din ġabet ukoll magħha l-midalja tad-deheb wara li warrabna l-isfida ta’ Ċipru. Din baqgħet l-unika midalja tad-deheb mirbuħa mit-tim tar-relax 4  x 100 metru.

Issa li int kowċ rinomat tal-atletika – x’differenza tgħaddi bejn li tkun atleta u kowċ? Hemm xi rwol li tippreferi iktar minn ieħor?

Bħala atleta int tiffoka ħafna fuqek innifsek filwaqt li tagħmel dak kollu possibbli sabiex ittejjeb ir-riżultati tiegħek. Tipprova jkollok kontroll fuq iċ-ċirkostanzi li tiltaqa’ magħhom sabiex dejjem tkun fl-aħjar tiegħek. Waqt li kont nikkompeti kont inħobb ninnota ħafna affarijiet b’mod partikolari t-taħriġ u t-teknika użata. Din hi xi ħaġa li għadni nieħu gost nagħmilha sal-lum il-ġurnata u li nemmen li hi ċ-ċavetta għas-suċċess.

Bħala kowċ dmirek hu li tinfluwenza lill-atleti tiegħek fil-pożittiv. Trid tifhem ukoll il-karattri tagħhom u xogħlok ikun li dejjem ittejjeb fihom mhux biss it-teknika iżda anke l-attitudni tagħhom.

Il-livell ta’ tensjoni tkun xi ftit ogħla bħala kowċ minħabba li jkollok x’taqsam mhux biss ma’ atleta wieħed iżda m’oħrajn ukoll.

Nistqarr li jogħġobni ħafna l-lat tekniku tal-isport u ma jkollix sabar qabel ma’ nġib il-bidla neċessarja f’xi wħud.

Ħadt gost ukoll li fdawli r-responsabbiltà tal-atleti Maltin fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar tal-2011 fejn ksibna l-aqwa riżultati possibbli. Dan kien ukoll ir-riżultat ta’ preparazzjoni sfiqa li kellna li flimkien ma’ kowċis oħra wettaqna l-għanijiet tagħna. 

Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħalm’huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar biss?

Nemmen li l-mezzi tax-xandir għandhom jagħtu importanza lir-riżultati miksuba. Iktar milli nippromovu biss ir-rebħ tal-midalji, għandna nisħqu wkoll fuq l-kisbiet tekniċi li jsiru. B’xorti ħażina ma rnexxilniex inġibu biżżejjed titjib f’dawn l-aħħar 20 sena sabiex inkunu lħaqna l-progress ta’ pajjiżi oħra. Iktar naħseb li nemmnu fix-xorti aktar milli fi żvilupp ippjanat. Il-midja għandha tiġi użata bħala strument ta’ ppjanar sabiex tintervjeni f’mumenti ta’ progress. Hu hekk biss li nistgħu nlaħħqu u ngħaddu pajjiżi li ftit minnhom huma iżgħar minna u li qed jagħmlu passi ta’ ġgant.

Mod ieħor biex intejbu l-livell tagħna hu li jkollna atleti jitħarrġu barra minn xtutna.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Il-ħolma tiegħi hi li jkollna sistema integrata fl-iskejjel tagħna li tkopri mhux biss l-att edukattiv iżda dak sportiv. Li jkun hemm ukoll kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-klabbs sportivi mxerrda madwar il-gżejjer Maltin tgħin ukoll.

Bdejna din is-sistema f’Għawdex u nista’ ngħid li kienet suċċess kbir. B’xorti ħażina ma kienx hemm kontinwità u li kieku ħadna ħsieb seta’ serva ta’ proġett pilota sabiex iktar sports jinxterdu madwar Malta wkoll.

Kowċ jibqa’ għaddej permezz ta’ atleti li jirnexxu u li jkollhom iċ-ċans jieħdu sehem f’logħob importanti. Kburi ngħid li kont inħarreġ lil Diane Desira (Borg) u wassaltha għal livell għoli ferm.

X'sagrifiċċji jitlob l-isport li int tipprattika?

Nemmen li ħafna atleti huma ferm immotivati. Xogħol il-kowċis hu li jgħinuhom jikkontrollaw il-motivazzjoni tagħhom iktar milli jimmotivawhom. Huwa veru li jkun hemm ċertu sagrifiċċju, iżda għandu jkun hemm ukoll determinazzjoni, perseveranza f’mumenti fejn l-atleta ma jkunx għaddej minn mument tajjeb.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta' kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Kif għedtlek aktar qabel, atleta hu kompetitur uniku fl-atletika. Ladarba int tirreġistra ċertu ħin jew distanza, int trid tara li tikseb rekord aħjar. M’hemmx dubju li ngħixu f’dinja kompetittiva u bilfors irid ikun hemm rebbieħ. Minkejja kollox kif sħaqt aktar qabel, irridu nitgħallmu napprezzaw aktar il-kisbiet tekniċi. Dan minħabba l-fatt li jiżdiedu l-opportunitajiet u mhux bilfors il-midalji.

Bla dubju li meta int tikkompeti ma’ atleti oħra tal-istess livell tiegħek, jidħlu ħafna aktar fatturi bħal kemm tkun b’saħħtek mentalment, taħriġ mill-aqwa u ċ-ċirkostanzi tal-post fejn tkun fih. Jekk int tkun taf lill-avversarji tiegħek u temmen fil-kapaċitajiet tiegħek kapaċi tirnexxi. M’hemmx dubju li mal-linja tat-tluq m’hemmx ħbieb iżda hemm avversarji li xogħlok hu li tkun aħjar minnhom.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

L-atletika hu sport verament sabiħ li fih jista’ jieħu sehem kulħadd. Tista’ tibda tipprattikah għall-gost mingħajr ma tonfoq ħafna flus għalkemm imbagħad int taf sa fejn trid twasslu.

Meta int jirnexxilek ittejjeb il-ħin u d-distanza tiegħek, int tkun ir-rebbieħ tiegħek innifsek. Jekk ikollok iktar motivazzjoni taf tirnexxi aktar. Irrispetta lill-avversarji tiegħek. B’hekk int tkun qed teżerċita wieħed mill-valuri Olimpiċi.

More in Lokali