Ronaldinho ġej Malta jippromovi l-inbid u mhux biex jilgħab ma' Birkirkara

Kemm avukat u anke ħu l-plejer leġġendarju jiċħdu li Ronaldinho se jkun qed jingħaqad ma' Birkirkara

Mhux vera li Ronaldinho, l-eks stilla tal-futbol Brażiljan, se jkun qed jingħaqad mat-tim ta’ Birkirkara minkejja rapporti li d-diriġenti tal-klabb jinsabu f’negozjati biex jakkwistaw lil dan il-plejer leġġenda.

Fi stqarrja, l-avukat f’Malta li qed jirrappreżenta lil Ronaldinho ċaħad li Ronaldinho se jkun qed jingħaqad mal-klabb Malti, anke jekk kien ikkuntatjat minn diriġenti tal-klabb li urewh interess li jakkwistawh għall-istaġun li jmiss.

Intant, ma’ The Times of Malta, ħu l-plejer leġġendarju, Roberto Assis, saħaq li l-midfielder ma għandu l-ebda intenzjoni li jerġa’ jirritornan fil-futbol.

Huwa qal li Ronaldinho ġej Malta dalwaqt iżda biex jippromovi ditta ta’ inbid tiegħu u biex jilgħab f’tournament tal-Footvolley.

L-aħbar li Ronaldinho kien se jingħaqad ma’ Birkirkara kienet qed iddur ilbieraħ fuq diversi siti tal-aħbarijiet u anke fuq il-midja soċjali.

Saħansitra nxterdu wkoll ritratti ta’ flokkijiet li kienu qed jiġu stampati bl-isem ta’ Ronaldinho.

More in Lokali