'Ħadd ma kiseb is-suċċess mingħajr ebda diżappunt'

Daniel Agius - talent żagħżugħ ta' Floriana li m'hemmx dubju li għandu futur mill-isbaħ quddiemu fil-futbol.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-familja tiegħi stess introduċewni għall-futbol. Konna niltaqgħu kull weekend fuq il-fosos tal-Furjana u dejjem kont nilgħab mal-kuġini tiegħi.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Iva naqbel, għaliex tagħti ċans lil iktar timijiet mill-ewwel diviżjoni biex jagħmlu l-pass lejn il-Premier, u bħal barra minn Malta, mhux it-timijiet kollha jisfidaw għall-kampjonat u għall-Ewropa iżda jistgħu jistabbilixxu ruħhom fil-Premier qabel ma jmorru għall-pass li jmiss.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Daqsxejn ta' differenza naħseb li hemm speċjalment meta niġu biex nitkellmu fuq it-tip ta' trasferimenti li jsiru mill-klabbs ta' fuq u dawk ta' taħt.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Le ma naqbilx. L-ewwel nett nemmen li hawn ħafna plejers Maltin li huma kapaċi jagħtu logħba tajba daqs il-barranin u naħseb li kif qiegħda bħalissa biżżejjed b'seba' barranin. It-tieni punt għaliex ma naqbilx huwa minħabba t-tim nazzjonali Malti.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Fl-opinjoni tieghi, naħseb illi iva kultant isiru ċerti trasferimenti ta' malajr biex niftiehmu u jkun hemm Maltin li kapaċi joffru iżjed.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

Personalment m'għandix x'ingorr fuq il-grawnds fejn jintlagħbu l-logħob tal-Premier. 

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul dan l-istaġun sa issa?

Nemmen li setgħu jagħmlu aħjar f'ċerti deċiżjonijiet fejn jinvolvu l-klabb tiegħi u anke klabbs oħrajn. 

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Importanti ħafna li dejjem tisma' dak li jgħidulek il-kowċis tiegħek, tkun xi tkun l-età tiegħek imma speċjalment meta tkun żgħir sabiex titgħallem il-bażi tal-logħba. Id-dieta importanti li żżommha billi tevita ċertu ikel bħal fast food li mhux se jtik ċerti sustanzi li jistgħu jgħinuk fil-futbol. U naħseb l-iktar sagrifiċċju li plejer irid jagħmel huwa li jegħleb it-tentazzjoni tal-ħruġ u divertiment li sfortunatament hija daqsxejn tqila f’pajjiżna. Tifhem li dak li jkun ikun għadu qed jgħix żgħożitu iżda l-plejer irid jagħżel jekk irid jimxi 'l quddiem.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Fil-każ tiegħi għadni qed nistudja u wara l-iskola nibqa' sejjer għat-taħriġ. Meta ma jkollix lezzjoni nipprova ma naħlix hin u nipprova neħles xi ħaġa tax-xogħol, li jkun fadal irid isir id-dar wara t-taħriġ. Tkun għajjien wara, imma x-xogħol ikollu jsir!

 

Tqis li fil-futur tissejjaħ mat-tim nazzjonali mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?

Fil-futur ma nafx x'jista' jiġri, iżda għandi xewqa kbira li xi darba nissejjaħ mat-tim nazzjonali Malti. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ser inkompli nisma' mill-kowċ u mill-plejers ikbar minni li għandhom iktar esperjenza li dawk nista' niggwadanja biss minnhom u nixtieq nibqa' u nistabbilixxi ruħi mal-klabb li qiegħed miegħu bħalissa għaliex jiena, familti kollha u l-maġġoranza ta’ sħabi huma kollha Furjaniżi, iżda x'se jseħħ fil-futur eżatt ħadd ma jafu!

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Jekk għandkom ħolma li ssiru plejers tal-futbol u jekk tkunu lesti li tagħmlu s-sagrifiċċji kollha li hemm bżonn, ċert li jirnexxielkom taslu fejn tixtiequ. Ħadd ma kiseb is-suċċess mingħajr ebda diżappunt, iżda dejjem wasal dak li rnexxielu jegħleb il-problemi u kompla miexi 'l quddiem.

More in Lokali