'Urejna l-potenzjal kollettiv tat-tim, qomna għall-okkażjoni u wasalna għat-tragward tagħna'

Kevin Camilleri - xprun ewlieni biex Santa Lucia FC kisbu promozzjoni storika għall-ewwel darba fil-Kampjonat Premier

Kevin Camilleri
Kevin Camilleri

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? 

Minn mindu kont żgħir kont inħobb il-ballun u nilgħab futbol ma' sħabi.

X'tikkummenta fuq l-esperjenza prezenti tieghek ma' Santa Lucija? 

Bħalissa għaddej minn esperjenza vera sabiħa u ta' suċċess hekk kif ksibt żewġ promozzjonijiet f'sentejn u mmaturatni bħala plejer.

Nitkellmu dwar l-istaġun ta' Santa Lucija. X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul dan l-istaġun? 

Urejna l-potenzjal kollettiv tat-tim u li għalkemm għaddejna minn perjodu iebes qomna għall- okkażjoni u wasalna għat-tragward tagħna.

X'taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess biex bħala Santa lucija ksibtu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier?

Żgur mhux forsi li l-kumitat ħabrieki li ma waqafx jaħdem biex jgħaqqad tim utli u ta' livell biex jisfida għall-unuri u l-kowċis u aħna l-plejers li ngħaqadna flimkien bħala familja għal dan is-suċċess.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Naħseb li fatt importanti tad-differenza hija dik mentali - kemm tkun preparat u kif tkun preparat, u naħseb li hemm dik it-tarġa aħjar bejn it-timijiet ta' fuq u dawk ta' taħt.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin? Mhux kull barrani jaddatta għall-futbol Malti jew għall-istil tal-kowċ però bħalma kien hemm barranin ta' suċċess kien hemm ukoll barranin li ma rnexxewx.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat?

Naħseb li nista' ngħid li ninsab kuntent bil-grawnds Maltin però jekk forsi jiġu mxarrbin xi ftit qabel il-logħob tkun aktar faċli għalina u jkun hemm inqas injuries.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun? 

Naħseb li kien hemm kontroll pjuttost tajjeb u ġust.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb? 

Irid jieħu t-taħriġ bis-serjetà u mentalment trid tkun ippreparat għal kull tip ta' logħba, u forsi matul l-istaġun timxi ma' dieta sana biex iżżomm il-ġisem b'saħħtu.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tieghek u mal-futbol? Dejjem sibt għajnuna minn fuq ix- xogħol biex nattendi kull sessjoni ta' taħriġ, però qatt ma kelli problemi kbar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Nisperaw li nibqa' nakkwista s-suċċessi sakemm nirtira u wara li nirtira nibqa' fix-xena tal-futbol bħala kowċing.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.

 Ngħidilhom biex bid-diffikultajiet kollha li jiltaqgħu magħhom matul il-karriera tagħhom, ma jaqtgħu qalbhom qatt u jibqgħu jemmnu f'kull ħolma tagħhom, iżommu d-determinazzjoni u l-passjoni għall-futbol. Jieħdu t-taħriġ bis-serjetà u d-dedikazzjoni hija wkoll importanti.

 

More in Lokali