Intervista Lokali Barranin

Stennija kbira għal-logħba ta' Malta kontra Spanja illejla

Dan ser ikun it-tmien konfront bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet fejn Spanja rebħu l-partiti kollha li lagħbu kontra t-team nazzjonali Malti.

Cristian Muscat / 26 ta' Marzu 2019 08:35
It-tim Malti li lejla se jilgħab kontr Spanja | Ritratt ta' Dominic Borg
Illum Malta tilqa’ f’darha lill-ġganti ta’ Spanja filwaqt li ser tkun qed tilgħab it-tieni logħba uffiċjali  mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla. It-team immexxi minn Ray Farrugia jinsab fis-seba’ sema wara li rebaħ il-partita inawgurali ta’ dan il-grupp kontra l-Gzejjer Faroe bl-iskor ta’ 2-1. B’din ir-rebħa il-Maltin ġabu fi tmiemha stennija ta’ kważi 13-il sena bla ma tirbaħ logħba kompetittiva f’darha.

L-attitudni ta’ erbat ijiem ilu kienet waħda ferm inkoraġġanti fejn il-plejers kollha kellhom il-partita perfetta tagħhom minkejja li għamlu l-aħħar nofsiegħa b’raġel anqas meta tkeċċa Andrei Agius.

Madankollu, żgur li l-avversarju tal-lum m’għandu x’jaqsam xejn mal-Gżejjer Faroe tant li ser ikun qed jaffaċċja team li fil-passat riċenti rebaħ kemm il-Kampjonat Ewropew kif ukoll it-Tazza tad-Dinja.

M'hemmx dubju li wara r-rebħa kontra l-Gżejjer Faroe, il-moral fid-dressing room Maltija bħalissa huwa wieħed ferm għoli u għandu jawgura ferm tajjeb għall-partita kontra Spanja.

Spanja waslu Malta lbieraħ wara nofsinhar u kellhom l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ aktar tard filgħaxija fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali. L-ex kowċ ta’ Barcelona u Roma fost l-oħrajn, illum fit-tmun tat-tim nazzjonali Spanjol, Luis Enrique sejjaħ l-aqwa skwadra possibli għal din il-partita bi plejers ta’ fama mondjali bħal David de Gea, Jordi Alba, Sergio Ramos, Sergio Busquets, Alvaro Morata u Marco Asensio fost oħrajn.

F’moħħ diversi segwaċi u partitarji Spanjoli jibqa’ dak ir-riżultat famuż ta’ 12-1 li seħħ lura għal 1983 waqt il-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-1984 f’Seville fi Spanja stess - skor partikolari li żgur li jibqa’ f’moħħ kull Spanjol u anki kull Malti għalkemm għaddew xejn inqas minn 35 sena. Dan ir-riżultat jibqa’ wieħed mill-akbar riżultati li qatt irreġistraw Spanja fl-istorja glorjuża tagħhom.

Għall-fini ta' statistika dan ser ikun it-tmien konfront bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet fejn Spanja rebħu l-partiti kollha li lagħbu kontra t-team nazzjonali Malti.

It-team nazzjonali Spanjol għadu ġej minn rebħa tajba iżda xi ftit bi tbatija kontra n-Norveġja bl-iskor ta’ 2-1, fejn wara li Rodrigo kien poġġa lil Spanja fil-vantaġġ, kien Joshua King li ġab l-iskor indaqs għan-Norveġizi.

Kien Sergio Ramos li salva wiċċ l-Ispanjoli meta skorja xutt mill-11-il metru, 20 minuta mit-tmiem.

F'kummenti li għadda qabel iż-żjara tagħhom f'Malta, il-kowċ ta' Spanja Luis Enrique beda billi qal li xejn ma kien kuntent bil-wirja tal-plejers tiegħu u sostna li qed jippretendi xi haġa aħjar mill-partita tal-lum li huma tant favoriti għaliha. Minkejja kollox huwa afferma li kellu ċ-ċans jara l-partita li Malta lagħbet kontra l-Gżejjer Faroe u baqa’ impressjonat bl-intensita’ ta’ logħob li urew il-plejers Maltin u għandu rispett kbir lejn pajjiżna għelkemm huwa wieħed ċkejken. Huwa għalhekk li hu qal lill-plejers tiegħu sabiex jibqgħu ffukati tul id-90 minuta.

Minkejja kollox il-kowċ nazzjonali Ray Farrugia ser ikun qed jilgħab bi pjan difensiv sabiex iżomm 'il bogħod kemm jista’ lit-trio ta’ attakkanti Morata-Rodrigo u Asensio. Il-probabbilta’ hi li Farrugia jibda bil-formazzjoni rebbieħa ta’ nhar is-Sibt li għadda b’Zach Muscat li jista’ jieħu post Andrei Agius. Fl-attakk jista’ jerġa’ jilgħab Kyran Nwoko b’Michael Mifsud warajh jippruvaw itellgħu l-kontrattakki.

Għan-nuqqas li għandu tas-sospiż Andrei Agius, Farrugia sejjaħ lil Leighton Grech fl-iskwadra għal din il-partita sabiex ikollu mill-ġdid skwadra ta’ 23 player.

Mistennija attendenza kbira għal din il-partita fejn diversi Maltin ser ikollhom iċ-ċans li jaraw mill-viċin plejers li s-soltu narawhom fuq is-settijiet tat-televixin. Diversi Spanjoli li jgħixu Malta kif ukoll dawk li ġej minn pajjiżhom mistennija jimlew in-naħa riservata għalihom.

Il-logħba tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u tibda fid-8.45pm, u l- pubbliku sportiv Malti huwa mħeġġeġ bis-sħiħ biex bħalma għamel fil-konfront kontra l-Gżejjer Faroe, jattendi bi ħġaru u jagħti s-sapport massimu lill-plejers Maltin.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook