L-UEFA tissospendi sitt plejers tat-Tim Nazzjonali

Is-sitt plejers tat-tim ta' taħt il-21 sena kienu nvoluti f'każ ta' tixħim

Il-Bord tal-Kontroll, l-Etika u d-Dixxiplina tal-UEFA impona sospensjoni fuq sitt plejers ta’ taħt il-21 sena ta’ Malta. Dan wara każ ta' tixħim li sar lura fl-2016 waqt il-logħbiet kontra l-Montenegro u r-Repubblika Ċeka.

Kyle Cesare u Manuel Briffa ngħataw is-sospensjoni għal għomorhom, Samir Palmier Arab ingħata sospensjoni ta’ sentejn, Ryan Camenzuli weħel sena u nofs sospensjoni waqt li Llywelyn Cremona u Luke Montebello weħlu sena kull wieħed.

Intant il-gowlkiper Matthew Calleja Cremona inħeles minn kull akkuża.

Fl-14 u l-15 ta' Diċembru li għadda, l-Bord ta' Kontroll, l-Etika u d-Dixxiplina tal-UEFA kellu diversi smigħ sabiex jeżamina l-każijiet ta' kull individwu, li allegatament kien involut f'attivitajiet illeċiti.

Fi stqarrija L-UEFA enfasizzat l-impenn tagħha sabiex telimina t-tixħim mill-futbol darba għall-dejjem, il-President tal-UEFA Aleksander Čeferin iddeskriva dan bħala "marda li teqred l-qofol tal-futbol". 

More in Sports