'Inħabbtuhom għall-Istrina' mill-ASMK

Jinfetaħ l-istaġun tal-isport tal-Muturi u Karozzi bl-Autocross u l-Muturi Motocross... u ma naqasx ukoll id-Demolition Derby

Karl Micallef fuq Ford Fiesta segwit minn Matthew Borg fuq Fiat Ritmo u Jonathan Vella fuq Ford Fiesta
Karl Micallef fuq Ford Fiesta segwit minn Matthew Borg fuq Fiat Ritmo u Jonathan Vella fuq Ford Fiesta

Ilbieraħ, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, fetħet l-istaġun bil-Karozzi Autocross u l-Muturi Motocross. L-Autocross saqu fuq wiċċ ġdid tal-korsa waqt li dawk tal-Motocross saqu fuq korsa kompletament ġdida u b’distanza itwal – dik ta' 1,430 metru.

Għal darb’oħra, l-istaġun tal-ASMK 2016/2017 se jkun sponsorjat mid-ditta ‘Pasta Poiatti’.

Il-programm beda fl-10am bit-tiġrijiet Autocross u Motocross u għalaq bid-Demolition Derby li sar b’risq l-Istrina, liema attività kellha ssir nhar il-Ħadd 18 ta' Diċembru 2016. Id-Demolition Derby kellhu parteċipazzjoni ta’ 14-il kompetitur fuq karozzi ta' għamla u qisien varji minn xulxin.

Intant, l-Amministrazzjoni tal-ASMK, ħadmet qatiegħ biex issolvi l-problemi li żviluppaw kaġun tal-maltemp li għamel fl-aħħar ġimgħat, iżda bl-għajuna ta' diversi kuntratturi benefatturi fosthom ‘Central Asphalt Ltd’ u ‘Polidano Group’ taħt it-tmexxija tal-ASMK Project Manager Lawrence Darmanin, irnexielha twassal il-proġett tal-Korsa tal-Karozzi fit-tmiem biex illum ikun jista' jingħata bidu għat-tiġrijiet bil-karozzi u l-muturi, u jinfetaħ l-istaġun il-ġdid.

L-Assoċjazzjoni xtaqet tinforma wkoll li minħabba l-posponimenti li kellha fl-aħħar xhur, issa fuq is-sit elettroniku wieħed jista' jsib il-Programm għas-sena 2017.

Iktar informazzjoni wieħed jista' jsibha wkoll fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, jew fil-paġni tal-Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. 

More in Sports