Dixxiplina, sagrifiċċju u determinazzjoni...

Biex tikseb riżultat trid taħdem għalih u tagħmel is-sagrifiċċji. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ atleta li għexet dan l-istil fil-ħajja tagħha

'Eżerċizzji bil-weights narahom ta’ sodisfazzjon aktar minn tbatija' - Kirsten Dalmas | Ritratt Nellas Fotography
'Eżerċizzji bil-weights narahom ta’ sodisfazzjon aktar minn tbatija' - Kirsten Dalmas | Ritratt Nellas Fotography

Kmieni fis-6 ta’ filgħodu, waqt li wħud ikunu fis-sodda u oħrajn għadhom qed jistenbħu, ikun hemm nies li diġà jkunu qegħdin bi ħġarhom jagħmlu l-eżerċizzji tagħhom f’xi gym.

Uħud jagħmlu dan biex jonqsu mill-piż, oħrajn biex iżommu ruħhom sani u attivi u għal oħrajn dan ir-reġim ta’ eżerċizzju regolari huwa l-isport, il-passjoni u l-istil tal-ħajja tagħhom.

L-ILLUM marret f’gym kmieni filgħodu biex tiltaqa’ ma’ Kirsten Dalmas, tfajla ta’ 27 sena li tipprattika l-isport tal-‘body building’ u tikkompeti fil-kategorja tal-‘bikini fitness’. Infatti, aktar kmieni din is-sena, Kirstin kienet ir-rebbieħa tal-ewwel premju fil-klassi tat-tul tagħha, kif ukoll tal-ewwel premju mill-klassijiet kollha fil-kategorija 'Bikini Fitness' waqt il-kompetizzjoni nazzjonali organizzata mill-federazzjoni MFBBF.

Premjata l-ewwel post fil-kategorija 'bikini fitness'
Premjata l-ewwel post fil-kategorija 'bikini fitness'

Kirsten qalet li hi minn dejjem kienet persuna sportiva u attiva, u bdiet tittrenja ġo gym daqs erba’ snin ilu u mbagħad bdiet tieħu dan l-isport b’aktar dedikazzjoni kbira u serjetà daqs sentejn ilu. Sabiex tikseb ir-riżultati mixtieqa, Kirsten tmur il-gym tal-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa u kull sessjoni ta’ eżerċizzju tagħha ddum madwar siegħa u nofs. “Meta noqrob lejn kompetizzjoni tal-‘body building’, nipprova mmur kuljum, ġieli anke darbtejn f’ġurnata,” stqarret Kirsten.

Id-dieta hija iktar importanti mill-eżerċizzju f’dan l-isport
Ħaġa li forsi min mhux mitħla tal-eżerċizzju ma jafx, hija li d-dieta hija importanti daqs, jew aktar mill-eżerċizzju stess sabiex wieħed jikseb fiżiku skulturat bħal ta’ Kirsten. Dwar dan, hija tgħid li l-kowċ tagħha, Anthony Meachen, dejjem għallimha li nfatti, d-dieta hija iktar importanti mill-eżerċizzju fl-isport tal-‘body building’, iżda anke f’kull tip ta’ dixxiplina sportiva oħra. Kirsten spjegat kif id-dieta ta’ kulħadd hija differenti, u tiddependi mill-progress li jkun qiegħed fih il-ġisem. Id-dieta ta’ kuljum ta’ Kirsten tvarja bejn protejini, li ġġib minn tiġieġ u ħut frisk, minn ammonti bil-qies ta’ karboidrati kif ukoll ħaxix.

Kirsten tisħaq li fil-ħajja kulħadd iħobb igawdi, u hi mhux inqas hekk kif l-isport tagħha ma jwaqqafhiex milli jkolla ħajja soċjali mal-ħbieb. Minkejja dan, hija qalet li “sfortunatament, meta tagħżel dan l-isport, huwa importanti immens li xorta tibqa’ żżomm dejjem mad-dieta, għax huwa dan li jħoll u jorbot il-prodott u kundizzjoni finali,” qalet Kirsten. Bħal kull tfajla oħra tal-età tagħha, Kirsten toħroġ mal-ħbieb u tissoċjalizza kemm tista’, però tgħid li xorta tibqa’ żżomm ma’ ċertu limiti fuq l-ikel u x-xorb.

“L-alkoħol huwa l-ewwel ħaġa li nżomm ’il bogħod minnha,” ammettiet ma’ dan is-sit Kirsten, “u dan ifisser li fil-ħruġ tiegħi nixrob biss ilma, meta nkun wasalt qrib ta’ kompetizzjoni, noqgħod ’il bogħod minn kull ikel li jħaxxen.”

Jekk tagħżel dan l-isport, trid tidħol għalih b’ruħek u b’ġismek
Mistoqsija li ħafna nies jagħmlu lil kull min ikun għaddej minn proċess ta’ eżerċizzju u dieta stretta tkun dejjem dwar l-għaliex dawn jagħżlu li jiċċaħħdu mill-ikel b’dan il-mod, u x’gost jieħdu milli jmorru jbatu jqandlu l-weights kuljum. Il-kurżità ħafna drabi tkun akbar meta l-persuna tkun tfajla bħal Kirsten.

Ir-risposta ta’ Kirsten għal dan kienet li jekk tagħżel li tidħol għal xi sport, kemm għall-body building, bħalha, iżda anke għal kwalunkwe sport ieħor, trid tidħol għalih b’ruħek u b’ġismek, għax inkella ma tasalx.

Kirsten ammettiet li “huwa sagrifiċċju kbir għal persuna bħali li vera nħobb l-ikel, li niċċaħad minn ċertu ikel, però, l-imħabba tiegħi għal dan l-isport hija ħafna ikbar u lesta li nagħmel is-sagrifiċċju kollu li hemm bżonn.”

Dwar il-mistoqsija fuq it-tqandil tal-weights, Kirsten daħqitha u qalet li għaliha tqandel il-weights huwa sodisfazzjon aktar minn tbatija.

“Meta nħares fil-mera u nħossni kuntenta bil-figura tiegħi, ngħid dik jien ħdimt għaliha, wasalt bil-ħila tiegħi u ta’ ħadd iktar”.

Kirsten spjegat kif sfortunatament hawn nies li mhumiex kuntenti bil-fiżiku tagħhom imma ma jridux jagħmlu s-sagrifiċċju meħtieġ biex ibiddlu l-affarijiet. “Fil-ħajja, xejn ma jiġi b’xejn; tħobb ħaġa u tobgħod oħra”.

Ġurnata tipika fil-ħajja ta’ Kirsten Dalmas
L-ILLUM staqsiet lil Kirsten biex taqsam mal-qarrejja kif inhi ġurnata tipika fil-ħajja tagħha. Għal din il-mitoqsija Kirsten tbissmet, hekk kif bdiet tispjega kemm mhux faċli tlaħħaq mal-ħajja tal-llum, iżda, qalet hi “jekk vera tkun trid xi ħaġa fil-ħajja, issib mod kif tasal”

Kirsten qalet li meta bdiet dan l-isport, kienet għadha tistudja u dak kien l-iktar żmien iebes, fejn kellha tlaħħaq mal-istudju u mal-eżerċizzju u l-preparazzjoni tal-ikel għad-dieta. “Illum il-ġurnata,” spjegat, “inqum kmieni għall-gym, nagħmel ftit eżerċizzju cardio, bħal mixi jew jogging, u wara l-eżerċizzji bil-weights. Kif inlesti dan kollu, hekk kif kif ikunu għadhom xis-7:30 ta’ filgħodu, inlesti għall-ġurnata xogħol fl-uffiċċju”. Wara ġurnata xogħol fl-impjieg tagħha bħala accountant, Kirsten tmur id-dar, ġieli tirrilassa, imma l-maġġoranza tal-ġranet ikollha l-ikel x’tipprepara u ssajjar. “Mhux faċli,” qalet Kirsten, “imma m’għandi l-ebda dispjaċir”.

Qabel kompetizzjoni l-eżerċizzju jitqal u d-dieta ssir aktar stretta
F’April li għadda Kirsten klassifikat fl-ewwel post fil-kategorija tal-‘bikini fitness’ f’kompetizzjoni nazzjonali u l-ġimgħa d-dieħla sejra tirrappreżenta l-Malta f’kompetizzjoni f’San Marino. Infatti bħalissa Kirsten għaddejja mill-aħħar ġimgħat ta’ proċess ta’ 12-il ġimgħa ta’ eżerċizzji u dieta speċjali biex iġibuha fil-forma fiżika ta’ livell ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali.

Kirsten tiddeskrivi l-esperjenza tal-kompetizzjoni bħala waħda li qisha ‘roller coaster ride’. “Id-dedikazzjoni hija importanti ħafna,” saħqet Kirsten, “trid iċċedi ċertu affarijiet biex issib ħin għall-eżerċizzju u l-preparazzjoni tal-ikel. L-eżerċizzju jitqal lejn l-aħħar u d-dieta ssir iktar ħarxa u stretta”. Kirsten irrakkontat kif ikun hemm ġranet fejn tkun trid taqta’ qalbha u tieqaf minħabba l-istress li tkun qed tħoss, però dejjem kompliet. Hija qalet kemm huwa importanti li jkollok nies li dejjem ituk support. “Il-kowċ dejjem imbuttani biex inkun persuna aħjar milli kont il-ġurnata ta’ qabel, u l-familja u l-ħbieb iridu jifhmu li int trid tasal” stqarret Kirsten.

Li tgħix ħajja sana għandu jkun stil ta’ ħajja u qatt ma tieqaf għax tkun ilħaqt tir
Qabel ħallejna lil Kirsten tmur tipprepara biex tmur ix-xogħol wara l-eżerċizzju tagħha u l-intervista magħna, tlabnieha tagħti parir lil nisa oħra dwar l-eżerċizzju u d-dieta.

Kirsten xtaqet taqsam mall-qarrejja li “li żżomm ruħek ‘fit’ huwa dejjem importanti u m’hemmx għalfejn tagħżel il-‘body building’ biex tkun f’forma fiżika sana u pulita” Hija qalet li llum il-ġurnata għandna l-kumdità li nagħmlu dan b’faċilità ikbar għax fortunatament hawn gyms madwar Malta u Għawdex kollha, kif ukoll aċċess għall-għajnuna mingħand nutrizzjonisti u diet advisors fejn tidħol dieta aktar bilanċjata. Min jara li dawn huma spejjeż żejda, wieħed dejjem jista’ jfittex online u jaqra dwar eżerċizzju u nutrizzjoni.

“Il-parir tiegħi huwa dan; tagħtux lilkom infuskom ‘deadline’. Li tgħix ħajja sana għandu jkun stil ta’ ħajja u qatt ma tieqaf għax tkun ilħaqt tir. Ħobbu lilkom infuskom biżżejjed li tagħmlu dak kollu li hu meħtieg biex tkunu ferħanin b’dak li taraw fil-mera u b’kif tħossukom minn ġewwa,” temmet tgħid Kirsten.

More in Sports