Kampjonati Mondjali tas-Snooker

Cini jikkwalifika għall-fazi tan-knock-out

Brian Cini jirbaħ u jikkwalifika għal mal-aħħar 32
Brian Cini jirbaħ u jikkwalifika għal mal-aħħar 32

Illum intlagħbu l-aħħar logħbiet mill-fażi tal-gruppi tal-Kampjonat Mondjali tas-6 reds li qed jintlaghab flimkien ma’ dak tas-Snooker tat-Timijiet ġewwa Sharm El Sheikh, fl-Egittu.

Dawn il-Kampjonati huma organizzati mill-International Billiards & Snooker Federation. Mill-Kampjonat tat-Timijiet illum ma sarx logħob wara li l-bieraħ intemmu l-logħbiet tal-gruppi fejn it-Tim Malti kompost minn Alex Borg u Brian Cini rebħu l-logħob kollu tagħhom u kkwalifikaw għal mal-aħħar 32 fejn issa jiltaqgħu kontra l-Egittu bir-rebbieħ ta’ din il-logħba jiltaqa’ kontra l-Indja jew is-Sawdi Arabja.

Il-logħba kontra l-Egittu se tintlagħab nhar il-Ħamis fis-1.30pm u tkun l-aħjar minn 7 frames waqt li l-logħob tal-aħħar 16 jintlagħab il-Ħamis ukoll fil-5.30pm.

Intant mill-Kampjonat tas-6 reds Brian Cini, l-uniku plejer Malti f’dan il-Kampjonat ikkwalifika għal mal-aħħar 64 meta llum lagħab l-aħħar żewġ logħbiet tiegħu minn Grupp F fejn fl-ewwel logħba huwa għeleb lill-plejer Indjan Rahul Ajay Sachdev bil-punteġġ ta’ 4-3 iżda ġie megħlub mill-plejer Chau Hon Man ta’ Hong Kong bil-punteġġ ta’ 4-3 fl-aħħar logħba tiegħu tal-grupp.

Minkejja din it-telfa Cini xorta waħda spiċċa fil-quċċata tal-grupp tiegħu. L-avversarju ta’ Cini fl-aħħar 64 għad irid jiġi magħruf meta aktar tard illejla jittellgħu il-poloz.

Għada hija ġurnata ta’ mistrieħ f’dawn iż-żewġ Kampjonati bil-logħob ikompli l-Erbgħa bil-logħob mill-fazi tan-knock-out tal-Kampjonat tas-6 reds waqt li l-Ħamis jitkompla dak tat-Timijiet tas-Snooker.

More in Sports