Tragward storiku fl-Ewropa għal tim tal-futbol Malti

It-tim ta' Birkirkara rnexxielu jasal fit-tielet fażi ta' kwalifikazzjoni fl-Europa League

It-tim tal-futbol ta' Birkirara rnexxielu jilħaq tragward storiku fl-istorja tal-futbol Malti fl-Ewropa. Dan hekk kif ilbieraħ, bir-rebħa fuq it-tim Skoċċiż ta' Hearts, Birkirkara assiguraw post fit-tielet fażi tal-kwalifikazzjoni tal-kompetizzjoni prestiġjuża tal-UEFA Europa League.

Ilbieraħ filgħaxija, f'Edinburgh, it-tim Malti rnexxielu jirbaħ il-logħba kontra Hearts bl-iskor ta' 2-1, bil-gowls ta' Christian Bubalovic u Edward Herrera. Dan wara li l-ewwel logħba li fiha ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet f'Malta, ntemmet bl-iskor ta' parità ta' 0-0.

Dan ifisser li fil-fażi li jmiss, jiġifieri fit-tielet fażi tal-kwalifikazzjoni, it-tim Malti se jkun qed jaffronta lit-tim Russu ta' FC Krasnodar. F'din il-fażi, qed jilagħbu wkoll, timijiet ferm magħrufa bħal West Ham u Sassuolo, fost l-oħrajn.

Din hija l-ewwel darba li tim lokali rnexxielu jasal sa fażi daqstant avvanzata f'kompetizzjoni prestiġġjuża Ewropea, bħalma hija l-UEFA Europa League.

More in Sports