Fabrizio Ravanelli f’Malta bejn l-20 u t-22 t’April

L-eksattakant Juventin f'Malta grazzi għall-Juventus Club DOC Malta Cuore Binaconero tal-Imrieħel

Fabrizio Ravanelli
Fabrizio Ravanelli

L-eksattakkant ta’ Juventus u t-tim nazzjonali Taljan Fabrizio Ravanelli se jkun f’Malta bejn l-20 u t-22 t’April fuq stedina tal-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero tal-Imrieħel.

Dettalji dwar din iż-żjara ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-klabb stess is-Sibt filgħodu, fejn intwera wkoll messaġġ minn Ravanelli lill-Juventini Maltin. Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li se jżur Malta, li ddeskriva bħala “gżira mill-isbaħ,” għall-ewwel darba.

Magħruf bħala Penna Bianca minħabba kundizzjoni li wasslitu biex xagħru jibjad kmieni, Ravanelli skurja 41 gowl f'111-il logħba ma' Juventus. Iżda żgur li l-iktar gowl speċjali għalih kien dak li skurja fil-finali tal-UEFA Champions League tal-1995-96 kontra Ajax, li ntrebħet minn Juventus wara l-għoti tal-penaltis.

Ma’ Juventus, Ravanelli rebaħ ukoll il-UEFA Cup fl-1992-93, il-kampjonat u l-Coppa Italia fl-1994-95 u s-Supercoppa Italiana tal-1995. Dan filwaqt li lagħab 22 logħba mat-tim nazzjonali Taljan, fejn skurja tmien gowls.

Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-klabb Omar Busuttil iddeskriva din iż-żjara bħala r-ringrazzjament tal-kumitat lill-membri għas-suċċess li kiseb il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero, li ġie dikjarat b’mod uffiċjali bħala l-ikbar Supporters Club ta’ Juventus barrani b’iktar minn 770 membru DOC.

Dan minbarra li għall-ewwel darba fi storja ta’ erba’ snin, il-klabb qabeż l-elf membru tesserat mal-klabb. Filwaqt li rringrazzja lill-membri, Busuttil laqa’ dawn ir-riżultati iżda qal li “Dan is-sinjal ta’ fiduċja hu wkoll responsabbiltà biex il-klabb ikompli jaħdem fl-interess tal-Juventini Maltin.”

Max Zammit, li għamel kuntatt ma’ Ravanelli u l-persuna li bħala koordinatur tal-klabb ġie inkarigat mill-organizzazzjoni tal-mawra ta' Ravanelli f'Malta, fisser din l-attività bħala waħda speċjali anke fid-dawl li Ravanelli mhux soltu li jagħmel żjarat fi klabbs, b'mod speċjali dawk barranin.

Il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero nieda wkoll is-sit uffiċjali tiegħu, juventusmalta.com, li qed jiġi aġġornat kontinwament b’aħbarijiet u artikli relatati, b’mod speċjali, ma’ Juventus.

Fil-jiem li ġejjin il-klabb se jħabbar kalendarju ta’ attivitajiet relatat maż-żjara ta’ Fabrizio Ravanelli f’Malta. Iktar dettalji jistgħu jinkisbu permezz ta’ email fuq [email protected].

 

More in Sports