Rabja kbira fost il-Ħamruniżi wara li tilfu l-punti mirbuħa fil-ground fuq il-mejda tal-protesti

Victor Cassar jirriżenja għar-raba’ darba, u għar-raba’ darba r-riżenja ma tiġix aċċettata

Hamrun Spartans FC, il-klabb li fis-Snin ’80 kien parti mill-glorja l-kbira tal-futbol Malti, jinsab għaddej minn inkwiet kbir ieħor hekk kif l-ewwel partita li lagħbu mill-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni dan l-istaġun u li rebħu bi skor ta’ 3-1 kontra Fgura United FC, tilfuha fuq il-mejda tal-Bord tal-Protesti tal-MFA.

Dan wara li t-Tlieta wara nofsinhar, Fgura United FC, permezz tas-Segretarju Ġenerali tagħhom Stefan Vella, resqu protest lill-MFA fejn fih qed jallegaw li Orosco Anonam, il-plejer-kowċ ta’ Hamrun Spartans FC, kien sospiż għall-partita ta’ kontriehom iżda xorta lagħab.

Anonam kien waħel ir-raba’ karta safra tiegħu fl-aħħar partita tal-kampjonat BOV Premier tal-istaġun li għadda meta kien ma’ Pieta Hotspurs FC u allura, skont ir-regolamenti tal-MFA, irid jiskonta sospensjoni ta’ logħba, fl-ewwel partita kompetittiva, li proprju inzertat il-partita tal-Ħadd li għadda bejn Hamrun Spartans FC u Fgura United FC.

L-ikbar inkwiet tal-Hamruniżi ġej mill-fatt li għadhom ma jistgħux jaċċettaw il-fatt li dan mhux l-ewwel żball li sar mill-Kumitat tal-klabb tagħhom u l-persuna li jinsab taħt in-nar minħabba dan kollu mhu ħadd ħlief Victor Cassar, is-Segretarju Ġenerali ta’ Hamrun Spartans FC.

Sorsi qrib il-klabb Ħamruniż ikuntattjawna u qalulna li f’laqgħa mqanqla tal-Kumitat li ssejħet b’mod urġenti minn Hamrun Spartans FC it-Tlieta filgħaxija, Victor Cassar tefa’ rriżenja tiegħu, li fi kliemu stess hi waħda “irrevokabbli.” Dan ifisser li l-eks-membru tal-Kunsill u tal-Eżekuttiv tal-MFA spiċċa minn kull kariga li għandu u li jista’ jkollu mal-klabb ta’ Hamrun Spartans FC. Iżda b’mod stramb għall-aħħar, jidher li l-Kumitat ta’ Hamrun Spartans FC ma aċċettax l-ittra ta’ Cassar tant li talbuh jerġa’ jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Sorsi komplew jgħidulna li din l-aħbar ġabet dillużjoni u rabja kbira fost ħafna mill-membri u partitarji ta’ Hamrun Spartans FC u dan minħabba l-fatt li f’għajnejhom qegħdin jarawha mossa pulita u fina min-naħa tal-klikka skont huma, li kkapparat u għamlet tagħha l-klabb Ħamruniż f’dawn l-aħħar snin biex jippruvaw iżommu magħhom persuna “minn tagħhom” fil-Kumitat, flok iġiegħluh jerfa’ r-responsabbilta’ u jitlaq fil-kwiet, darba għal dejjem.  

Jidher li grupp imdaqqas ta’ partitarji Ħamruniżi, f’dawn l-aħħar sigħat, ingħaqdu u ltaqgħu biex jifthemu fuq x’għandha tkun il-mossa li jmiss biex il-klabb Ħamruniż jerġa’ jsir verament tal-Ħamruniżi u mhux ta’ nies li anqas huma mill-Ħamrun. Jidher li l-istess persuni bdew joħolqu pressjoni kbira fuq il-klabb Ħamruniż biex tiġi aċċettata r-riżenja ta’ Cassar u jidher ukoll li hemm lest grupp ta’ persuni biex jidħlu fil-Kumitat f’kas li l-Kumitat attwali jħoss li għandu jirriżenja en-block ma’ Cassar.

Dawn qalulna li fil-Ħamrun, fil-preżent, teżisti rabja kbira minħabba l-fatt li dan mhux l-ewwel żball tax-xorta tiegħu li sar f’dawn l-aħħar snin. Wieħed ma jistax jinsa l-każ tal-plejer Sylvano Comvalius li kien se jdaħħal lil Hamrun Spartans FC f’inkwiet kbir li kieku l-MFA u l-Viċi President Chris Bonett ma rebħux il-każ quddiem il-UEFA. Każ ieħor l-istess bħal dan kien ta’ Daniel Zerafa, lura meta kien għadu plejer ta’ Hamrun Spartans FC fil-Kampjonat BOV Premier, meta kien daħal bħala sostitut f’rebħa ċerta konta Balzan FC fl-aħħar 3 minuti meta l-iskor kien 3-1. Dakinhar, ħadd mill-Kumitat ta’ Hamrun Spartans FC ma nduna  bil-konsegwenza li l-Balzanin resqu protest fl-MFA u rebħuħ mingħajr problemi. Każ ieħor kien tal-plejer Steve Bonnici, illum plejer ta’ Floriana FC, li tiegħu Hamrun Spartans FC kienu nesew idaħlu l-karti u r-reġistrazzjonijiet neċessarji, bil-konsegwenza li kien tnaqqsilhom punt.

Jidher li f’dawn il-każi kollha, il-bniedem li dejjem offra r-riżenja tiegħu lill-Kumitat Ħamruniż kien Victor Cassar, iżda fil-każi kollha wkoll, għal xi raġuni jew oħra, din qatt ma ġiet aċċettata. Huwa minħabba dawn ir-raġunijiet u aktar li fis-sigħat li ġejjin se ssir ittra li se tiġi ffirmata minn numru kbir ta’ partitarji ta’ Hamrun Spartans biex din id-darba, ir-riżenja ta’ Cassar tiġi aċċettata minnufih u tiġi aċċettata wkoll tal-kumplament tal-membri tal-Kumitat li jheddu li f’kas li jitlaq hu, jitilqu miegħu.   

 

 

More in Sports