L-MFA għad trid tiltaqa ma' Ghedin dwar il-futur tiegħu

L-MFA tgħid li xi plejers Maltin qed jiġu kontinwament mistiedna għal prova ma’ diversi klabbs barranin. Iżda dawn il-plejers għadhom mhux lesti għal din l-isfida fil-karriera tagħhom.

 

Hekk kif ftit tal-jiem ilu saret konferenza stampa fis-sala biswit l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo ġie mistoqsi diversi domandi rigward xi suġġetti li qed jagħmlu l-headlines tal-futbol Malti bħalissa.

Dan il-ġurnal beda biex saqsa rigward x’inhu l-futur tal-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Pietro Ghedin. 
Dan fost diversi xnigħat u spekulazzjonijiet li bdew jiċċirkolaw fl-aħħar żmien li l-kowċ Taljan seta’ jħalli t-tmun tat-tim Malti.

Iżda, Bjorn Vassallo kien pront u bl-aktar mod affermattiv wieġeb li huwa flimkien mal-amministraturi l-oħra tal-MFA, għad iridu jpoġġu bilqiegħda ma’ Pietro Ghedin innifsu u mal-membri tal-istaff tiegħu biex jiddiskutu x’se jkun il-futur tagħhom. 
Iżda huwa sostna li sa issa għad m’hemm xejn deċiż u konkluż. 

Intant, Bjorn Vassallo tenna li s-Super Cup 2016 tista’ tiġi mmexxija għal Diċembru tal-istess sena minħabba xogħlijiet li se jkunu qed isiru fuq il-pitch tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u li se jkunu qed jibdew eżattament wara tmiem l-istaġun 2015/16, u li huwa mistenni li jiġu mitmuma biss lejn it-tmiem ta’ Awwissu.

Dan hekk kif l-MFA se tkun qed tinvesti fl-installazzjoni ta’ sistema msejħa hybrid b’taħlita ta’ turf naturali u artifiċjali fl-Istadium Nazzjonali. Din is-sistema li diġà ġiet installata fi stadia kbar u ferm popolari fosthom Wembley Stadium, l-Emirates Stadium u St George’s Park fl-Ingilterra, se tkun qed tagħmel tajjeb għal numru konsiderevoli ta’ logħbiet (madwar 100 fi staġun wieħed), li jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali.

L-istaġun 2015/16 se jkun qed jiġi fi tmiemu fl-14 ta’ Mejju 2016 bil-finali tal-Malta FA Trophy, u bix-xogħlijiet jibdew immedjatament wara, mhux se jkunu qed jintlagħbu logħbiet fl-Istadium Nazzjonali tul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Sadanittant, xogħlijiet fuq il-floodlights fit-Training Grounds tal-MFA f’Ta’ Qali għaddejjin ġmielhom u b’ritmu mgħaġġel, u eventwalment il-pitch tas-Centenary Stadium se jkunu qed jiġu wkoll mibdula. Dawn il-proġetti se jkunu qed jiswew lill-MFA, is-somma ta’ xejn inqas minn 1.5 miljun Ewro.

Bjorn Vassallo tkellem ukoll rigward il-fatt li skont hu, l-uniku mod kif il-futbol Malti jista’ jagħmel passi ta’ ġgant ’il quddiem, huwa li plejers Maltin imorru jfittxu avventuri ġodda fil-karriera tagħhom u jilagħbu futbol professjonali barra minn xtutna. Huwa kompla li xi plejers Maltin qed jiġu kontinwament mistiedna għal prova ma’ diversi klabbs barranin. Iżda, sfortunatament huwa jħoss li dawn il-plejers għadhom mhux lesti għal din l-isfida fil-karriera tagħhom.

Huwa afferma li xi plejers Maltin iħossuhom komdi fil-klima sħuna Maltija u fl-ambjent Malti li jidhru li draw fih u dan jirrapreżenta l-comfort zone għalihom. B’hekk, huma kienu għadhom mhux lesti li jagħmlu d-diversi sagrifiċċji li tinvolvi l-ħajja ta’ plejer professjonali tal-futbol. Is-Segretarju Ġenerali ferm ħabrieki tal-MFA, qal li l-MFA se tkompli tinvesti fil-grassroots bħala parti minn pjan fit-tul. Huwa sostna li investiment fl-edukazzjoni tal-kowċis għandha wkoll tippermetti lil diversi plejers Maltin biex jagħmlu l-grad barra minn Malta.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas ma setax jonqos li Bjorn Vassallo jiġi mistoqsi fuq x’kienet l-idea li l-MFA tinstalla dawk li huma msejħin bħala ‘anti-climb spikes’, fl-istands li tant qajmu kontroversja f’dawn l-aħħar jiem.

Bjorn Vassallo tenna li l-MFA ma setatx tibqa’ tieħu responsabbiltá għal xi inċidenti li jistgħu jinqalgħu wara xi partiti jaħarqu u li fihom jistgħu jweġġgħu diversi partitarji preżenti. B’hekk dan sar għall-akbar sigurtà tal-partitarji li jiġu jsegwu l-futbol Malti flimkien mal-familjari tagħhom fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

 

More in Sports