Clayton Failla jidebutta mat-tim Ingliż ta’ Hull City

Il-plejer ta' Hibernians u tat-tim internazzjonali Malti Clayton Failla jilgħab nofs siegħa fil-logħba ta' ħbiberija bejn Hull City u Hanover 96.

Il-midfielder internazzjonali Malti Clayton Failla idebutta mat-tim Ingliż ta’ Hull City wara li lagħab f’partita ta’ ħbiberija kontra t-tim tal-Bundesliga Hanover 96.

Failla ġie mistieden mill-club tac-Championship biex jagħmel ġimgħa prova magħhom waqt it-training camp tagħhom fl-Awstrija. Huwa daħal jilgħab fit-63 minuta minflok Dame N’Doye. Il-partita spiċċat bl-iskor ta’ 0-0.

Nhar l-Erbgħa, t-tim ta’ Hull se jilgħab ukoll kontra t-tim mill- Emirati Għarab Magħquda, Al-Ain, fil-belt ta’ Tirol. Fl-istaġun li għadda, Failla kien wieħed mill-aqwa plejers tac-Champions tal-Kampjonat Malti Hibernians hekk kif lagħab 32 partita u skurja 16 –il gowl biex ikun l-aqwa skorer Malti.

Bħalissa, Wilson Palacios, l-eks plejer ta’ Stoke City, Tottenham Hotspur u Wigan Athletic fost l-oħrajn, flimkien ma’ l-eks plejer ta’ Newcastle Ryan Taylor qegħdin fuq prova mat-tim tac-Championship fl-Ingilterra.

More in Sports