Il-familja Chouhal fl-aqwa tagħha

Il-familja Chouhal - Rachid, Antonella, Sarah u Kareem Luca fit-trakka tal-Marsa
Il-familja Chouhal - Rachid, Antonella, Sarah u Kareem Luca fit-trakka tal-Marsa

Nhar is-Sibt 30 ta’ Mejju waqt il-laqgħa tal-Athletics Challenge Meeting 6, Antonella Chouhal, ta’ AS Libetas reġgħet kisret ir-rekord nazzjonali tagħha stess fil-hammer throw fil-kategorija open b’tefgħa ta’ 40.49m, iżda ħaġa li żgur se tidħol fl-istorja hi li fl-istess ġurnata it-tifla tagħha li għad għandha biss 12 -il sena, Sarah Chouhal, ukoll kisret ir-rekord nazzjonali fl-istess dixxiplina fil-katergorija ‘cadets’ b’ tefgħa ta’ 32.41m.

Iżda, din mhix l-unika ħaġa li se tidħol fl-istorja tal-atletika lokali, hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-kowċ u r-raġel tagħha, Rachid Chouhal, kiser huwa ukoll ir-rekord nazzjonali fil-hammer throw fil-kategorija open tal-irġiel b’tefgħa ta’ 43.55m. Għalhekk, għall-ewwel darba fl-istorja tal-atletika Maltija u probabilment mondjali, tliet membri tal-istess familja għandhom rekord nazzjonali fl-istess dixxiplina.

Apparti fil-hammer throw, Antonella Chouhal, għandha r-rekords nazzjonali tad-diskus u tax-shot put. Din is-sena reġgħet rebħet il-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika, f’dawn it-tliet events u b’hekk ikkonfermat id-dominanza tagħha f’dawn id-dixxiplini għal dawn l-aħħar snin. Bħalissa apparti d-diżappunt tagħha li tħalliet barra mis-selezzjoni tal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar, fejn fl-opinjoni tagħha kienet tikkontendi għal medalja, speċjalment fid-diskus, Antonella qed tipprepara bis-sħiħ għal-Logħob Ewropew li se jsir f’Baku, fl-Azerbaigan, ftit inqas minn ġimgħatejn oħra kif ukoll għal-Logħob Mondjali tal-Masters li se jsir f’Lyon, fi Franza, f’Awwissu li ġej. 

Rachid Chouhal li huwa atleta magħruf Malti fl-isprints u l-jumps u li kkompeta f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom Kampjonati Ewropej, Kampjonati Mondjali, Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar, Logħob tal-Commonwealth u l-Olimpijadi. Beda jipprattika din id-dixxiplina ftit iktar minn sena ilu biex jgħin proprju lil Antonella f’din id-dixxiplina minħabba li huwa wkoll il-kowċ personali tagħha.

Huwa wkoll spikka mal-ewwel f’din d-dixxplina u kiser ir-rekord nazzjonali għal ħames darbiet. Tajjeb ngħidu li dan ir-rekord kien ilu ma jinkiser mill-1965. Huwa wkoll qed jipprepara għal- Logħob Ewropew u għal-Logħob Mondjali tal-Masters. Huwa se jikkompeti fil-100m, 200m u l-long jump fejn hemmhekk se jkun wieħed mil-favoriti għal medalja speċjalment fil-100m. 

Sarah Chouhal għad għandha biss 12-il sena u tattendi l-iskola Nazzjonali tal-Isport. Hija tħajret tipprattika din id-dixxiplina mill-ġenituri tagħha, għalkemm din hija dixxiplina ġdida għal Sarah u ilha tipprattikaha għal ftit xhur biss. Hija mal-ewwel bdiet tispikka fix-xena lokali. Apparti throws hi tagħmel dixxiplini diversi fosthom long jump u sprints fejn ukoll qed tirreġistra riżultati tajbin.

Fl-età żgħira tagħha, Sarah għadha ma ddeċidietx fiex se tkun qed tispeċjalizza meta tikber. Iżda l-prospetti għall-futur tagħha fl-atletika jidhru sbieħ. Jonqos membru wieħed ta’ din il-familja - it-tifel iż-żgħir, Kareem Luca, fejn għalkemm għadu ma bediex jikkompeti, huwa diġà qed jitħajjar jipprattika din id-dixxiplina. 

Ikkuntattjata minn din il-gazzetta, Antonella Chouhal, f’isem il-familja kollha tagħha, xtaqet tirringrazzja lill-għalliema u l-kowċis tat-tifla tagħha, Sarah, fi ħdan l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tal-appoġġ kontinwu, lill-MAAA, MOC, u l-KMS għall-Flexi Training Scheme, lil Team Chouhal u lill-isponsor tagħha, Go & Fun, għax-xarbiet u s-supplimenti li jipprovdulha.

More in Sports