L-esperjenza ma’ Balzan qed tirrappreżenta sfida kbira għalija - Ryan Fenech

Ryan Fenech nhar it-Tlieta filgħaxija jiffirma l-kuntratt tiegħu ma’ Balzan, flimkien mar-rappreżentant ta’ Balzan FC, Robert Tagliaferro
Ryan Fenech nhar it-Tlieta filgħaxija jiffirma l-kuntratt tiegħu ma’ Balzan, flimkien mar-rappreżentant ta’ Balzan FC, Robert Tagliaferro

Nhar it-Tlieta filgħaxija, wara bosta jiem ta’ spekulazzjoniiet u xnigħat fil-media sportiva, Balzan irnexxielhom jassiguraw is-servizzi ta’ wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa l-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin, Ryan Fenech.

Dan hekk kif huwa ngħaqad magħhom wara esperjenza ta’ suċċess ma’ Valletta, fejn rebaħ kull unur li għandu x’joffri l-futbol Malti, kemm fuq bażi ta’ klabb kif ukoll fuq bażi personali, hekk kif rebaħ l-unur tant prestiġjuż tal-MFA Plejer tas-Sena matul l-istaġun 2013/14.

Ryan Fenech huwa prodott ta’ Ħamrun Sparatns u għamel id-debut tiegħu magħhom lura fl-istaġun 2002/03. Huwa kellu esperjenza qasira b’self ma’ Sliema Wanderers fl-istaġun 2009/10. L-akkwist il-ġdid ta’ Balzan ingħaqad ma’ Valletta fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar tal-2011, fejn kien iffirma kuntratt ta’ ħames snin. Matul din l-esperjenza ma’ Valletta, huwa kien reġa’ ngħaqad b’self ma’ Sliema Wanderers, bejn Jannar u Mejju tal-2012.

Intant, dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Ryan Fenech, immedjatament wara li tħabbar li huwa kien ingħaqad ma’ Balzan, fejn tana dawn il-kummenti rigward kif qed iħares lejn din l-avventura ġdida fil-karriera mill-aqwa tiegħu ma’ Balzan: 

“Hija sfida kbira għalija. Li wara ħames snin titlaq lill-klabb li jkun tak kull unur fil-futbol Malti mhux faċli, però issa qed inħares ’il quddiem. Il-klabb ta’ Balzan huwa wieħed żgħir, però li għandu viżjoni kbira. Huwa tim li għandu plejers tajbin u qed entużjast għal nhar l-Erbgħa li ġej fejn se nkun qed nibda din l-esperjenza mal-klabb il-ġdid tiegħi ta’ Balzan,” temm jgħid Ryan Fenech.

More in Sports