Luxol jirbħu l-Kampjonat Premier tal-Futsal

Luxol rebħu l-Kampjonat Premier tal-Futsal, wara li fit-tieni finali għelbu lil Balzan bl-iskor identiku tal-ewwel finali, jiġifieri dak ta’ 4-3.

Il-President tal-FMA, il-Perit Mark Borg, jippreżenta t-Tazza tar-rebħ tal-Kampjonat Premier tal-Futsal, lill-captain ta’ Luxol, William Barbosa. Ritratt - Joe Borg
Il-President tal-FMA, il-Perit Mark Borg, jippreżenta t-Tazza tar-rebħ tal-Kampjonat Premier tal-Futsal, lill-captain ta’ Luxol, William Barbosa. Ritratt - Joe Borg

Luxol rebħu l-Kampjonat Premier tal-Futsal, wara li fit-tieni finali għelbu lil Balzan bl-iskor identiku tal-ewwel finali, jiġifieri dak ta’ 4-3.

Kienet logħba oħra mil-aktar eċitanti mimlija b’azzjonijiet tajbin miż-żewġ timijiet.

Kienu Luxol li fetħu l-iskor wara biss tliet minuti, permezz tal-plejer Brażiljan u captain ta’ Luxol, William Barbosa.

Disa’ minuti wara, kien l-istess Barbosa li rdoppja l-iskor għat-tim minn St. Andrew’s.

Madwar sitt minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, kien il-plejer Kroat u kowċ ta’ Balzan Frane Despotovic, li naqqas il-marġni tal-iskor għal gowl wieħed.

Hekk intemmet l-ewwel taqsima li kienet ferm bilanċjata u missielta.

Fit-tieni taqsima, ż-żewġ timijiet reġgħu ħarġu bi grinta liema bħalha u rajna aktar azzjonijiet fuq kull naħa.

Wara żewġ minuti logħob, Glenn Bonello ġab id-draw għal Balzan u ftit sekondi wara Dean Gera reġa’ poġġa lil Luxol fil-vantaġġ.

Ftit minuti qabel nofs it-tieni taqsima, reġa’ kien Barbosa li wettaq tripletta personali u skurja r-raba’ gowl għal Luxol.

Meta kien fadal madwar seba’ minuti logħob, kien il-plejer Serb Slobodan Janjic li naqashom għal 4-3 u reġa’ daħal lil Balzan fil-logħba.

Dawn il-minuti finali kienu ta’ tensjoni kbira u Balzan għamlu minn kollox billi tefgħu kollox fuq l-attakk.

Frane Despotovic daħal bħala flying keeper iżda ħass xi uġigħ u b’hekk Boicho Marev lagħab ukoll bħala l-plejer addizjonali fl-attakk.

Finalment, waslet it-tisfira finali tar-referi li tat ir-rebħa lil Luxol, u tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet li laħqu l-qofol tagħhom meta Barbosa għolla t-tazza tal-kampjonat Premier.

Minn issa Luxol jibdew jippreparaw għal impenji tagħhom barra minn xtutna fil-UEFA Futsal Cup.

More in Sports