Malta tikseb ir-raba’ post fil-kompetizzjoni tal-Weightlifting għall-pajjiżi tal-Mediterran

Team Malta li kiseb ir-raba’ post
Team Malta li kiseb ir-raba’ post

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, l-Assoċjazzjoni Weightlifting Malta organizzat b’suċċess id-disa’ edizzjoni tal-kompetizzjoni tal-weightlifting għall-pajjiżi tal-Mediterran. Ħdax-il pajjiż ħadu sehem f’dan l-avveniment magħmul minn timijiet. 

Tim Tuneżija rebaħ din il-kompetizzjoni b’1,891 punt, segwit minn Franza b’1754 punti u l-Italja b’1607 punti. Tim Malta kiseb ir-raba’ post b’1,482 punt segwiti mit-Turkija b’1321 punt, Spanja, l-Iżrael, is-Slovenja, il-Greċja, il-Bosnija-Ħerzegovina u San Marino.

It-tim uffiċjali ta’ Malta kien jikkonsisti minn sitt atleti, erba’ irġiel u żewġ nisa. Kyle Micallef kien l-aħjar mill-irġiel fl-iskwadra Maltija  u kiseb 306 punt wara li refa’ t-total ta’ 256 kilo, Ryan Agius b’292 punt, Rodmar Pulis b’274 punt, Jovan Reljic b’266 punt, waqt li fuq in-naħa femminili Pamela Psaila kisbet 173 punt u Krista Camilleri kisbet 171 punt. Minbarra t-tim uffiċjali, lifters Maltin oħra pparteċipaw f’dan l-avveniment internazzjonali biex jiksbu aktar esperjenza. Dawn il-lifters kienu Hayley Mizzi, Sarah Grixti, Dorianne Attard, Natalie Borg, Noel Coleiro, Owen Bugeja, Matthew Camillieri u Daryl Psaila, li kull wieħed minnhom ħadem bil-kbir biex għamlu lil Malta kburija bir-riżultati tagħhom.

Dan l-avveniment żgur li se jiġi mfakkar matul l-istorja peress li diversi rekords tal-Mediterran kienu miksura. Ħdax-il rekord ġodda ġew milħuqa fis-sezzjoni tan-nisa filwaqt li seba’ ġew milħuqa fit-taqsima maskili. L-aħjar riżultat fis-sezzjoni taż-żgħażagħ f’dan l-avveniment kien miksub minn Malti, Owen Bugeja, filwaqt li l-aħjar riżultat fis-sezzjoni tal-kbar kien ta’ Karem Ben Hnia tat-Tuneżija, li wkoll huwa ċ-champion tad-dinja fil-kategorija tas-77kg. Għall-aħjar mara din kienet ukoll meħuda mit-Tuneżina, Yosra Dhieb.

Dan l-avveniment kien preparazzjoni tajba għal Tim Malta li se jkunu qed jikkompetu fl-avveniment internazzjonali ieħor – dak tan-Nazzjonijiet Żgħar f’Monaco f’April, bit-tama għal riżultat kbir ieħor.

More in Sports