Il-ġentlom leġġenda Interista Javier Zanetti u l-Fondazzjoni Pupi

Jekk hawn plejer fid-dinja li huwa magħruf għall-ġentilezza, umiltà u għall-brillantezza tiegħu fil-grawnd, m’hemmx dubju li dan mhu ħadd ħlief il-leġġenda ħajja ta’ Inter Javier ‘Pupi’ Zanetti li fost karigi oħra llum qed jokkupa wkoll il-kariga prestiġjuża ta’  Viċi President ta’ Inter fejn jaħdem spalla ma’ spalla mal-President ta’ Inter, il-biljunarju Indoneżjan, Erick Thohir.

Kif twieldet il-‘Fondazzjoni Pupi’?

Il-‘Fondazzjoni Pupi’ twieldet lura fl-2001. Din kienet sena diffiċli ħafna għall-Arġentina u għalhekk iddeċidejna li kien id-dmir sagrosant tagħna li nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid għal tant tfal li kienu qegħdin ibatu tbatija ta’ kull xorta. Ridna noffrulhom altrernattivi biex huma jkunu jistgħu jikbru u jimmaturaw b’mod edukat u b’saħħtu.

Meta nqisu l-fatt li int ħabib kbir ta’ Ivan Ramiro Cordoba li huwa l-President tal-Fondazzjoni Colombia Te Quiere Ver, jeżistu xi proġetti b’amalgamazzjoni ma’ din il-Fondazzjoni fil-futur qrib?

Iva, fil-fatt għandna ppjanati ħafna proġetti. Jien nemmen li meta Ivan jorganizza xi ħaġa permezz tal-Fondazzjoni tiegħu, aħna bħala Fondazzjoni Pupi nkunu qrib ħafna. Dan għaliex naf il-valuri marbutin mal-familja li Ivan iħaddan b’tant għożża. Din l-amalgamazzjoni bejn il-Fondazzjonijiet tagħna huma xi ħaġa dejjem mill-isbaħ u li ttini ħafna ferħ!

Barra minn hekk jeżistu xi proġetti mill-Fondazzjoni Pupi li fihom jistgħu jagħtu sehemhom kompatrijotti tiegħek Arġentini fosthom plejers ta’ klassi mondjali bħal Lionel Messi, Juan Sebastian Veron u Esteban Cambiasso fost oħrajn? 

Minn dejjem l-Arġentina kien pajjiż fejn twieldu ħafna stilel tal-futbol. Ċertament teżisti l-possibiltà li naħdmu ma’ stilel oħra Arġentini fil-futur iżda għalissa għadu kmieni wisq! Jien naħseb li t-tim nazzjonali Arġentin qed jaħdem tajjeb ħafna u nawgura minn qalbi li ħafna stilel Arġentini jibdew avventura ġdida tal-futbol fl-Ewropa. 

“Il-President tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech, huwa ħabib kbir tiegħi. Ili nafu għal żmien mhux qasir u huwa dejjem ikun disponibbli għalina bħala Fondazzjoni Pupi. Huwa dejjem ikun lest li jgħin lit-tfal li aħna nieħdu ħsieb fl-Arġentina permezz tal-Fondazzjoni kif ukoll tant persuni oħra li jitolbu l-għajnuna tagħna biex isibu sostenn fost id-diversi tbatijiet u sofferenzi li huma jkunu qed jaffrontaw f’ħajjithom”

Iddeskrivi l-irwol tiegħek bħala Ambaxxatur tat-Turiżmu Malti fl-Italja. 

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nokkupa l-irwol ta’ Ambaxxatur tat-Turiżmu f’pajjiż bħal m’hu Malta. Dan għax nemmen li Malta huwa pajjiż li wieħed għadu jrid jiskopri – huwa pajjiż li joffri ħafna opportunitajiet diversi, l-iktar għaż-żgħażagħ u għalhekk qed nagħti lili nnifsi biex inkun ta’ servizz mill-aħjar li nista’ għal dan il-pajjiż. 

Kif nibtet il-ħbiberija tiegħek mal-President tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech u dan xi rwol għandu fil-Fondazzjoni Pupi permezz ta’ Malta?

Il-President tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech, huwa ħabib kbir tiegħi. Ili nafu għal żmien mhux qasir u huwa dejjem ikun disponibbli għalina bħala Fondazzjoni Pupi. Huwa dejjem ikun lest li jgħin lit-tfal li aħna nieħdu ħsieb fl-Arġentina permezz tal-Fondazzjoni kif ukoll tant persuni oħra li jitolbu l-għajnuna tagħna biex isibu sostenn fost id-diversi tbatijiet u sofferenzi li huma jkunu qed jaffrontaw f’ħajjithom. 

“Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nokkupa l-irwol ta’ Ambaxxatur tat-Turiżmu f’pajjiż bħal mhu Malta. Dan għax nemmen li Malta huwa pajjiż li wieħed għadu jrid jiskopri – huwa pajjiż li joffri ħafna opportunitajiet diversi, l-iktar għaż-żgħażagħ u għalhekk qed nagħti lili nnifsi biex inkun ta’ servizz mill-aħjar li nista’ għal dan il-pajjiż.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas x’inhuma l-proġetti futuri tal-Fondazzjoni Pupi?

Il-fatt li jien nokkupa wkoll l-irwol ta’ Ambaxxatur tal-EXPO għall-belt ta’ Milan, nhar l-4 ta’ Mejju li ġej qed norganizzaw logħba ta’ ħbiberija għal skop karitattiv ġewwa San Siro fejn se jkunu qed jieħdu sehem ħafna plejers ta’ klassi u statura mondjali. Jien nawgura li dan ikun avveniment kbir u li fih jinġabru ħafna fondi hekk kif dawn se jkunu qed jingħataw lil diversi assoċjazzjonijiet filantropici u ta’ karità ġewwa Milan. 

X’inhi L-Fondazzjoni PUPI?  

Il-Fondazzjoni Pupi hija organizzazzjoni volontarja li ma tagħmel l-ebda profitti, imwaqqfa fl-Arġentina fl-2001. Hija taħdem għat-tfal l-aktar foqra u emarġinati mis-soċjetà. Ġiet imwaqqfa mill-eks plejer ta’ klassi u fama mondjali u llum viċi president ta’ Inter, Javier Zanetti, u mill-mara tiegħu, Paula. L-isem tal-Fondazzjoni Pupi ġej mil-laqam ta’ Javier Zanetti nnifsu, appuntu ‘El Pupi’ bl-Arġentin, waqt li huwa akronimu li bl-Arġentin ifisser ‘Por un piberio integrado’, li meta maqlub għall-ilsien Malti jfisser: ‘Għal tfulija ikar integrata’. 

Il-Fondazzjoni Pupi hija responsabbli li tissodisfa l-bżonnijiet fundamentali u bażiċi tat-tfal fosthom li tiggarantilhom ikel san, edukazzjoni, iġene u għajnuna oħra għall-familji tagħhom. Inizjalment, hija ħadet ħsieb tad-distrett fl-Arġentina, Lanus, li hija waħda mill-aktar żoni foqra fil-belt kapitali tal-Arġentina, Buenos Aires. Il-President ta’ din l-organizzazzjoni huwa Andres de la Fuente waqt li Monica Giacoletto hija l-psikologa tal-istess organizzazzjoni. Tajjeb ngħidu li dawn it-tnejn jiġu l-kunjatu u l-kunjata ta’ Zanetti, rispettivament. 

L-ewwel pass li wettqet din il-Fondazzjoni kien dak li tgħallem lil tfal żgħar foqra, l-aktar elementi bażiċi tal-iġene u li tara li jkollhom ikel ta’ kuljum, permezz ta’ tliet ikliet bażiċi ta’ kuljum. Il-programm tal-Fondazzjoni Pupi jipprevedi li ta’ kull filgħodu, it-tfal jiġu akkumpanjati l-iskola, biex wara jiġu mwassla fis-sedi varji tal-organizzazzjoni għall-attivitajiet oħra ppreparati mill-Fondazzjoni fosthom dawk marbuta ma’ mużika, arti, teatru u sport. Barra mid-Dar Ċentrali tal-Fondazzjoni li tinsab f’Lanus, fejn il-Fondazzjoni ġiet imwaqqfa għall-ewwel darba, jeżistu tliet idjar oħra tal-Fondazzjoni Pupi. 

Il-Fondazzjoni tikkolabora ma’ diversi azjendi biex tgħallem lil missirijiet ta’ dawn it-tfal żgħar xi xogħol partikolari. Anki l-ommijiet tal-istess tfal jiġu assistiti kemm fuq livell mediku kif ukoll dak soċjali. Fil-passat Zanetti rċieva għajnuna finanzjarja għall-Fondazzjoni tiegħu mingħand eks plejers sħabu ma’ Inter, fosthom l-eks plejer internazzjonali miċ-Ċili, Ivan Zamorano. Dan kollu jiġi jiswa lill-Fondazzjoni Pupi, is-somma ta’ kważi €300,000 kull sena fi spejjeż totali. Sa minn Mejju tal-2009, Fondazzjoni Pupi hija responsabbli ta’ iktar minn 1,000 persuna fqira, bejn tfal u l-familji rispettivi tagħhom. 

More in Sports