“L-ikbar ħolma tiegħi hija dik li ngħin lil Omonia Nikosija jiksbu post fl-Ewropa” – Andrè Schembri

Andrè Schembri jifraħ b’mod sarkastiku wara wieħed mill-gowls li skorja ftit tal-jiem ilu bil-flokk ta’ Omonia Nicosia
Andrè Schembri jifraħ b’mod sarkastiku wara wieħed mill-gowls li skorja ftit tal-jiem ilu bil-flokk ta’ Omonia Nicosia

Jekk hemm plejer Malti li f’dawn l-aħħar snin għamel isem kbir għal Malta, m’hemmx dubju li dan ma kien ħadd ħlief l-istilla tal-mument, Andrè Schembri. 

Wara li reġa’ rritorna ma’ Omonia Nicosia f’Ċipru matul Jannar li għadda wara esperjenza mill-iktar deludenti fil-Ġermanja ma’ FSV Frankfurt, huwa reġa’ qed jikseb il-forma mill-aqwa li nafuh biha permezz ta’ numru ta’ gowls, uħud minnhom mill-isbaħ. Dan il-ġurnal, għamel kuntatt ma’ Schembri nnifsu f’Ċipru fejn tana dawn il-kummenti rigward l-andament tiegħu bħalissa ma’ Omonia Nicosia u rigward kif qed iħares lejn il-futur tiegħu mal-istess tim u x’inhi l-ħolma tiegħu. Huwa afferma li:

“Meta tkun kuntent fl-ambjent li tkun qiegħed fih tista’ tagħti l-aħjar tiegħek. Kont naf li se niġi milqugħ tajjeb mill-plejers ta’ Omonia Nicosia peress li kienu jafu min jien. Barra minn hekk ġejt milqugħ tajjeb ħafna mill-klabb waqt li jien ukoll wieħed mill-plejers favoriti tal-partitarji qalbiena tagħna. Xħin il-kowċ sar jaf li rrid nitlaq minn mal-klabb li kont nilgħab miegħu fil-Ġermanja, FSV Frankfurt, mal-ewwel għamel kuntatt mal-aġent tiegħi għax kien jafni mill-istaġun ta’ qabel u riedni bis-saħħa. 

Fil-kampjonat sejrin tajjeb. Qegħdin fir-raba’ post tal-klassifika u l-għan tagħna huwa dak li nidħlu fl-Ewropa mhux li nieħdu l-kampjonat. Dan għax il-baġit tal-klabb niżel għal €3 miljun wara li kellu problemi finanzjarji. Qegħdin fis-semi finali tat-Tazza Ċiprijotta wkoll. Omonia Nicosia kienu sfortunati li fil-play-offs tal-UEFA Europa League sfaw eleminati fl-aħħar sekonda kontra Dynamo Moscow u b’hekk kisser ħafna l-pjanijiet tal-klabb peress li jekk tidħol fil-UEFA Europa League għandek introjtu kbir. 

Jien fadalli dan l-istaġun u staġun ieħor ma’ Omonia Nikosija. Nixtieq li nirbaħ unur ma’ dan il-klabb. Din hija l-ħolma tiegħi għax huwa klabb li tani ħafna. Però, l-ikbar ħolma tiegħi hija dik li ngħin lil Omonia Nicoisa jiksbu post fl-Ewropa peress li huwa l-uniku tim mill-klabbs kbar ġewwa Ċipru li qatt m’għamilha fl-Ewropa! Se nagħmel minn kollox biex nilħaq dan it-tragward,” temm jgħid Andrè Schembri.

More in Sports