Inawgurat il-bini l-ġdid ta’ Inter Club PUPI Zanetti Malta

Il-Ħamis 26 ta’ Marzu 2015, hija data memorabbli għall-Inter Club PUPI Zanetti Malta, fejn ġie inawgurat il-bini l-ġdid ta’ dan is-supporters club ġewwa Triq l-Irmiġġ, Msida. 

Javier Zanetti flimkien mal-kumitat tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta u ma’ wħud mill-membri tal-istess klabb li attendew għall-ftuħ ufficjali tal-istess klabb
Javier Zanetti flimkien mal-kumitat tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta u ma’ wħud mill-membri tal-istess klabb li attendew għall-ftuħ ufficjali tal-istess klabb

Din kienet serata memorabbli għall-membri preżenti għal din l-inawgurazzjoni hekk kif il-mistieden speċjali kien propju l-eks captain u Viċi President attwali ta’ Inter, Javier Zanetti. Il-President tal-Inter Club PUPI Zanetti Malta, Paul Fenech irringrazzja lill-membri kollha tas-sostenn u l-kollaborazzjoni tagħhom sabiex din il-ħolma saret realtà. 

Waqt id-diskors tiegħu, irringrazzja wkoll lill-kumitat tax-xogħol siewi tiegħu, hekk kif ġew organizzati diversi attivitajiet importanti fosthom kamp ta’ taħriġ ta’ Javier Zanetti, kamp ta’ taħriġ ta’ Ivan Ramiro Cordoba kif ukoll festin għat-tfal fid-djar tal-Knisja taħt il-patronċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca. Faħħar ukoll il-fatt li għalkemm dan il-klabb twaqqaf biss għaxar xhur ilu, il-klabb għandu madwar 420 membru. 

Mistieden ukoll għal din is-serata kien Nicola Ranieri, Direttur ta’ Centro Coordinamento Inter Club fejn irringrazzja lill-Interisti Maltin tal-ospitalità tagħhom. Huwa faħħar l-entużjażmu tal-kumitat ta’ dan il-klabb, fejn ammira l-fatt li fi ftit żmien, inkisbu suċċessi ferm importanti f’isem dan il-klabb. L-aħħar kliem kienu ta’ Javier Zanetti, fejn qal li huwa ta’ gost u unur li jżur il-gżejjer Maltin, kif ukoll li jiltaqa’ mal-Interisti ta’ din il-gżira. Fid-diskors tiegħu Zanetti qabel ma’ Nicola Ranieri fejn faħħar lil dan il-klabb tax-xogħol li wettaq kif ukoll qal li huwa ta’ unur kbir li l-klabb ġie ddedikat lilu. 

Wara d-diskors ta’ Zanetti, ġew imqassma rigali ta’ apprezzament lejn membri li għenu waqt ix-xogħol ġewwa dan il-bini l-ġdid, kif ukoll ingħataw tifkiriet ta’ dan l-avveniment lil Zanetti u Ranieri. Wara l-ftuħ uffiċjali, ġie organizzat riċeviment ġewwa l-Cavalieri Hotel għall-membri fejn iltaqgħu iktar mill-viċin mal-mistiedna speċjali.

More in Sports