Wirja qalbiena mhux biżżejjed għall-Maltin

Azerbaijan    2

Malta            0

Gowl kmieni eżattament wara biss erba’ minuti logħob ta’ Javid Huseynov u gowl ieħor propju fid-90 minuta ta’ Dimitrij Nazarov, li 10 minuti qabel ġie ammonit, ikkastigaw lill-Maltin f’logħba valida minn grupp H ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016, bl-Azerbaijan jegħlbu lil Malta bl-iskor ta’ 2-0. B’hekk Malta, li tajjeb ngħidu li kellhom wirja kollox ma’ kollox sodisfaċenti u qalbenija, baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika tal-istess grupp b’punt wieħed biss miksub barra minn darna kontra l-Bulgarija minn ħames logħbiet. 

Mill-istess grupp kif mistenni l-Kroazja ġewwa darhom f’Zagreb għelbu lin-Norveġja bl-iskor kbir ta’ 5-1, bil-gowls għalihom jaslu minn Marcelo Brozovic, Ivan Perisic, Ivica Olic, Gordon Schildenfeld u Danijel Pranjic, waqt li l-gowl uniku għan-Norveġiżi fil-logħba wasal minn Alexander Tettey fil-81 minuta. Tajjeb ngħidu li fid-69 mimuta n-Norveġiżi fallew penalty mogħti minn Tarik Elyounoussi, waqt li l-Kroati spiċċaw jilagħbu b’10 plejers fil-logħba meta tkeċċa għalihom il-plejer Vedran Corluka wara li rċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ ħames minuti biss.

Intant f’logħba minn Grupp A, l-Iżlanda barra minn darhom għelbu lil Kazakhstan bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0, bil-gowls għalihom jaslu minn Eidur Gudjohnsen u doppjetta ta’ Birkir Bjarnason. 

U mill-istess grupp il-Latvja u r-Repubblika Ċeka temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1 bil-gowl għal-Latvja jasal minn Aleksei Visnakovs, waqt li ċ-Ċeki gabu l-iskor indaqs permezz ta’ Vaclav Pilar propju fid-90 minuta. 

Fi Grupp B, Wales barra minn darhom kisbu tliet punti prezzjużi meta għelbu lil Israel bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Aaron Ramsey u doppjetta ta’ Gareth Bale. Tajjeb ngħidu li f’din il-logħba, l-Israel spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-plejer Eitan Tinbi wara li rċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ żewġ minuti biss.

Azerbaijan - Agayev, Garayev, Medvedev, Guseynov, Sadigov, Huseynov, Nadirov (Israfilov 81’), Amirguliyev, Alesgerov (Gurbanov 22’), Dasdemirov, Ismayilov (Nazarov 70’)

Malta - Hogg, Caruana, Bezzina (Pisani 46’), Borg, Agius, Briffa, R. Muscat, Schembri (R. Fenech 81’), P. Fenech, Camilleri (Z. Muscat 36’), Effiong

Referi Halis Ozkahya (TUR)

Javid Huesynov

Twieled fid-9 ta’ Marzu 1988 fl-Azerbaijan, li dak iż-żmien kienet parti mill-Unjoni Sovjetika

Skorja l-gowl waħdieni f’din il-logħba wara biss erba’ minuti logħob

Jilgħab fl-irwol ta’ attakkant

Fuq livell ta’ klabb, jilgħab ma’ Gabala FK fil-Kampjonat Premier tal-Azerbaijan

More in Sports