Leif Lindberg imexxi assistant referees’ workshop f’Malta

L-eks assistent referee ta’ fama mondjali, Leif Lindberg, flimkien mal-assitenti referees kollha fil-workshop li mexxa għalihom ftit tal-ġimgħat ilu
L-eks assistent referee ta’ fama mondjali, Leif Lindberg, flimkien mal-assitenti referees kollha fil-workshop li mexxa għalihom ftit tal-ġimgħat ilu

Id-Dipartiment tar-Refereeing organizza Assistant Referees’ Workshop ta’ jumejn ġewwa l-kwartieri tiegħu f’Ta’ Qali.  Dan tmexxa mill-ispeċjalista tal-assistenti referees Leif Lindberg mill-Iżvezja, mgħejjun minn Philip Agius, l-uffiċjal inkarigat mill-assistenti referees f’pajjiżna.

Saru sessjonijiet teoretiċi u prattiċi dwar it-teknika, kif assistent referee jżomm il-bandiera, kif jiġri, kif jipprepara ruħu fiżikament u kif iżomm ruħu konċentrat.  Leif Lindberg għamel użu minn għadd ta’ video clips minn għadd ta’ kampjonati barranin, filwaqt li Philip Agius mexxa sessjoni ta’ analiżi ta’ sitwazzjonijiet minn partiti fil-Kampjonat Premier.

Fl-ewwel jum taż-żjara tiegħu, Leif Lindberg, għamel ukoll preżentazzjoni lir-referees u l-assistenti referees mill-kategoriji kollha dwar il-koperazzjoni meħtiega bejn l-uffiċjali tal-logħba waqt id-deċiżjonijiet meħuda.  Għal din il-laqgħa ġew mistiedna wkoll ir-referee observers.

Saret ukoll Konferenza Stampa, li matulha Leif Lindberg tkellem dwar il-mumenti sbieħ tal-karriera tiegħu, fosthom il-Finali tat-Tazza tad-Dinja bejn il-Brażil u l-Ġermanja (2-0) fis-sena 2002 bħala assistent referee ta’ Pierluigi Collina u l-Finali tal-EURO 2000 bejn Franza u l-Italja (2-1) bħala assistent referee tal-kompatrijott tiegħu Anders Frisk. 

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar l-impressjonijiet tiegħu tar-refereeing f’pajjizna, Leif Lindberg stqarr li l-ħidma tiegħu fil-UEFA bħala Referee Observer u Assistant Referees’ Coach kienet diġà tatu impressjoni pożittiva tal-livell tal-uffiċjali Maltin, imma issa ra b’ghajnejh ix-xogħol siewi li persuni bħal Adrian Casha u Philip Agius qeghdin jaghmlu sabiex minkejja c-ċokon tal-pajjiż, Malta għandha erba’ referees internazzjonali rġiel, fosthom wieħed fl-Ewwel Kategorija tal-UEFA – Clayton Pisani.

Fl-istess Konferenza Stampa, id-Direttur tar-Refereeing Adrian Casha tkellem dwar l-Assistant Referees’ Workshop bħala inizjattiva ġdida oħra li tagħmel parti mir-riforma tas-settur tar-refereeing f’pajjiżna u kif minn żmien għall-ieħor l-MFA qiegħda ġġib fostna l-aħjar instructors tal-FIFA u l-UEFA sabiex teduka dejjem aktar lill-uffiċjali Maltin.  Min-naħa tiegħu Philip Agius fisser kemm l-assistent referee għandu sehem importanti fit-tim tal-uffiċjali li jikkontrollaw partita u r-rwol tiegħu m’għandux jitqies bħala wieħed sekondarju għal dak tar-referee.

More in Sports