Illum isiru sessjonijiet tal-Autocross u l-Motocross

Illum, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli bl-attivitajiet tal-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2014/15 fejn se jiġi organizzat id-disa’ programm bil-Karozzi Autocross u r-raba’ tiġrija bil-Muturi Motocross. Dawn se jibdew fil-11am.

Kyle Camilleri fuq KTM
Kyle Camilleri fuq KTM

Intant bħalissa fil-Klassifika Nazzjonali Autocross insibu taqtigħa interessanti bejn tliet kompetituri fejn Cħristian Mark Galea fuq Fiat Ritmo qed jokkupa l-ewwel pożizzjoni b’156 punt u segwit min Philip Joe Vella fuq Opel Corsa b’145 punt. Il-klassifika tkompli b’Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo b’137 punt u fir-raba’ post insibu lil Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova b’109 punti.

Klassifika oħra mis-Sezzjoni Autocross hija dik fi Klassi B fejn insibu lil Godwin Martin fuq Opel Corsa li qed jokkupa l-ewwel pożizzjoni b’37 punt segwit minn Jason Martin fuq Volkswagen Polo bi 17–il punt. Fil-Klassi Standard Deane Farrugia fuq Citroen AX jinsab fil-quċċata b’42 punt segwit min Joseph Vella fuq Ford Fiesta bi 13–il punt.

Fil-Klassi Gozo Autocross insibu lil Domenic Zammit fuq Alfa Sud fuq quddiem bi 18–il punt. Dan kien segwit minn Joseph Agius fuq Ford Fiesta b’10 punti.

Intant l-Assoċjazzjoni nhar il-Ħadd li għadda 15 ta’ Marzu 2015 organizzat żewġ attivitajiet differenti. Waħda fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali fejn ġiet organizzata t-tielet attività bil-Muturi Motocross filwaqt li attività oħra saret fil-Barriera Torri Falka fiż-Żebbiegħ tal-Imġarr. Dan kien ir-raba’ programm bil-Muturi Trials.

Ħarsa lejn il-ġurnata fl-Imġarr fejn ħadu seħem 9 kompetituri maqsuma f’żewġ klassijiet. Din il-kompetizzjoni saret fuq sitt sezzjonijiet fejn it-teknika kienet waħda iktar diffiċli minħabba li ċertu postijiet kienu mxarrbin bil-konsegwenza li dawn il-partijiet mis-sezzjoni tkun tiżloq aktar min-normal.  

Fi Klassi A rajna lil Damon Bonello fuq mutur Gas Gas jibda jiddomina mill-ewwel fejn irnexxielu jagħmel l-ewwel sezzjoni clean mija fil-mija. Il-ġurnata kompliet tkun iktar iebsa għal Bonello fejn flimkien miegħu beda riesaq Robert Caruana fuq mutur Gas Gas. Dawn komplew il-battalja flimkien sal-aħħar, iżda r-riżultat finali juri lil Bonello jirbaħ il-klassi segwit minn Caruana. Fit-tielet u r-raba post rispettivament spiccaw Nick Farrugia fuq Beta quddiem Gary Debono fuq Sherco.

Fi Klassi B rajna lill Joseph Scicluna u Manuel Camilleri it-tnejn fuq muturi Gas Gas jagħmlu bidu tajjeb flimkien segwiti minn Bernard Sammut fuq mutur Beta. Scicluna rregistra d-debut  tiegħu fil-ħames sezzjoni fejn irreġistra r-raba’ rebħa tiegħu f’dan l-istaġun segwit minn Camilleri u Sammut rispettivament. Fir-raba’ post spicca Ian Scicluna fuq mutur Gas Gas. 

F’Ta’ Qali rajna s-sezzjoni tal-muturi Motocross jagħmel it-tielet attività mill-Kampjonat 2014/15 fejn 13 il-kompetitur ħadu seħem maqsuma fit-tliet klassijiet A u B kif ukoll dik tal-muturi Vintage. Fi Klassi A rajna lill Clayton Camilleri fuq mutur KTM u Trevor Muscat iddominaw il-heats f’din il-klassi b’Muscat jispiċċa jirbaħ il-ġurnata segwiet minn Camilleri. Fit-tielet post spiċċa Edward Ciantar fuq mutur Kawasaki segwit fir-raba post min Kyle Camilleri fuq mutur KTM.

Fi Klassi B rajna lil Ludvick Muscat fuq mutur KTM jiddomina bir-rebħa tiegħu f’żewġ heats tal-ġurnata. Muscat kien dejjem segwit minn sewwieq Għawdxi Adam Sultana fuq mutur Kawasaki. Ir-riżultat finali kompla fejn fit-tielet post daħal Elvin Debono fuq mutur Kawasaki u fir-raba’ post spiċċa Mark Mamo fuq mutur Yamaha.

Intant l-attivitajiet tat-Trials se jkomplu bil-programm tagħhom nhar id-19 ta’ April 2015 fejn tkun qed tittella’ l-ħames attività tal-istaġun. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.asmk.org.mt.

More in Sports