Valletta Subbuteo Club inkurunati Champions ta’ Malta tat-Table Football għal 11-il darba fl-istorja tagħhom

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Valletta Subbuteo Club ġew inkurunati Champions ta’ Malta tat-Table Football għal 11–il darba fl-istorja tagħhom.

Il-plejers ta’ Valletta Subbuteo Club f’ritratt tal-okkażjoni wara li ġew inkurunati Champions ta’ Malta tat-Table Football għal 11–il darba fl-istorja tagħhom
Il-plejers ta’ Valletta Subbuteo Club f’ritratt tal-okkażjoni wara li ġew inkurunati Champions ta’ Malta tat-Table Football għal 11–il darba fl-istorja tagħhom

Il-Kampjonat Nazzjonali tal-klabbs, li kien organizzat mill-MTFSA, intlagħab fuq jumejn, ġewwa s-Sala F.X. Dingli,  Attard, u l-aqwa erba’ timijiet ta’ Malta ħadu sehem.

Il-Valletta Subbuteo Club, li f’Ottubru li għadda wera l-ħila tiegħu meta spiċċa fit-tielet post fiċ-Champions League tat-Table Football, f’Mons, il-Belġju, kellu bidu bil-kbir f’din il-kompetizzjoni, meta għeleb l-isfida tar-rivali, Valletta Lions bl-iskor ta’ 2-1.   

Inkoraġġiti minn dan ir-riżultat, huma komplew għaddejjin, u għelbu darbtejn lil Bormla SC 4-0 u 3-0, u darbtejn oħra lil Attard SC, bl-istess skor. It-tieni logħba kontra l- Valletta Lions żvolġiet f’logħba interessanti għall-aħħar, li jagħmel ġieh lil dan l-isport, għax it-tmien plejers involuti huma fost l-aqwa fid-dinja.  Il-partita spiċċat 2-2, u għalhekk, b’16–il punt, il-Valletta Subbuteo Club saru Champions ta’ Malta għar-raba’ sena konsekuttiva u għal 11–il darba fl-istorja tagħhom.

L-impenn li jmiss għal Valletta SC, huwa l-Major ta’ Frameries ġewwa l-Belġju, fil-bidu ta’ Marzu.

Min huwa interessat li jipprova jilgħab dan l-isport, merħba bih, u jista’ jmur kull nhar ta’ Ħamis mis-6.30pm ’il quddiem f’Level -3, fl-Embassy Shopping Complex, fejn il-klabb jiltaqa’ għat-taħriġ.  Timijiet jiġu pprovduti, u m’hemm l-ebda miżati.

More in Sports