“Se nagħmel minn kollox biex insalvaw u nibqgħu nilagħbu fil-Premier” – Luke Montebello

Luke Montebello jiġi ppreżentat bil-flokk ta’ Zebbug Rangers mill-President tal-istess tim, il-ferm ħabrieki, Joe Pace
Luke Montebello jiġi ppreżentat bil-flokk ta’ Zebbug Rangers mill-President tal-istess tim, il-ferm ħabrieki, Joe Pace

Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Jannar tħabbar b’mod uffiċjali li l-plejer żagħżugħ ta’ 19 –il sena, Luke Montebello, ingħaqad ma’ Zebbug Rangers b’self mingħand Valletta sa tmiem dan l-istaġun. Montebello huwa prodott tan-nursery ta’ Birkirkara u fl-2011 ingħaqad mat-tim Taljan ta’ Livorno. 

Madanakollu fis-sajf tal-2013 huwa rritorna jilgħab Malta fejn iffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Valletta. Luke Montebello huwa plejer ferm importanti tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena mmexxi mill-kowċ Silvio Vella. Zebbug Rangers kienu ferm attivi fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar fejn iffirmaw lil xejn inqas minn ħames plejers ta’ ċertu kalibru – lil Matthew Bartolo, Paltemio Barbetti, Kurt Zammit, Rashid Yussuff u Stefano Zampa. 

F’kummenti li għadda lil dan il-ġurnal, Luke Montebello, sostnq li:  “Nixtieq nirringrazzja lill-President ta’ Valletta, Victor Sciriha, kif ukoll lill-kowċis Ivan zammit u Gilbert Agius talli tawni ċans ningħaqad ma’ Zebbug Rangers. Ninsab motivat biex nagħmel minn kollox biex flimkien mal-plejers kollha ta’ Zebbug Rangers insalvaw u nibqgħu nilagħbu fil-Premier matul l-istaġun li ġej,” temm jgħid Luke Montebello.

More in Sports