Wara tibdil fit-tmun tat-tim nazzjonali tan-nisa.... jitkellmu l-protagonisti

Id-Direttur tal-Futbol tan-Nisa fi ħdan iċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, Pierre Brincat
Id-Direttur tal-Futbol tan-Nisa fi ħdan iċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, Pierre Brincat
L-assistant kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa, Frank Schembri
L-assistant kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa, Frank Schembri

Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Jannar tħabbret b’mod uffiċjali bidla fit-tmun tat-tim nazzjonali tan-nisa. Dan hekk kif Mark Gatt, l-eks assistant kowċ ta’ Pierre Brincat fit-tim nazzjonali Malti tan-nisa, inħatar kowċ nazzjonali tal-istess tim. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Eżekuttiv tal-MFA u tħabbret minn Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA. 

Gatt ingħata kuntratt ta’ sentejn u matul dan iż-żmien se jkun qiegħed imexxi lit-tim nazzjonali Malti fit-tliet partiti minn Grupp 2 ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2015/17 kontra l-Ġorġja, l-Andorra u l-Gżejjer Faroe.

Gatt se jkollu jassistih lil Frank Schembri li għalih se tkun l-ewwel esperjenza bħala kowċ fid-dixxiplina femminili. Schembri nħatar ukoll kowċ nazzjonali tat-timijiet ta’ taħt id-19 u s-16-il sena.

Sadanittant, Pierre Brincat, l-eks kowċ nazzjonali, inħatar Direttur tal-Futbol tan-Nisa fi ħdan iċ-Ċentru Tekniku tal-MFA.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ dawn it-tliet persuni msemmija fejn talab il-kummenti tagħhom rigward kif qed iħarsu len din l-avventura ġdida fil-karriera tagħhom fit-tmun tat-tim nazzjonali tan-nisa. Id-Direttur tal-Futbol tan-Nisa f’pajjiżna u eks kowċ tal-istess tim nazzjonali, Pierre Brincat, saħaq li: “Ilni għal dawn l-aħħar 12–il sena kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa u wara l-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni li konna involuti fiha bħala tim nazzjonali ddeċidejt li dan kellu jkun l-aħħar staġun tiegħi nikkowċja lil dan it-tim nazzjonali. 

Għamilt dan il-pass mhux minħabba l-plejers jew il-kowċis - minħabba li b’wiċċi minn quddiem ngħid li dawn kienu lkoll brillanti u ħadt gost f’kull mument waqt l-avventura tiegħi magħhom. Iżda billi żammejt il-plejers tagħna fiċ-ċentru ta’ kollox, ridthom li jkollhom ideat diversi minn kowċis tajbin oħra li jistgħu jgħinuhom itejbu iktar il-livell tagħhom fil-futbol. 

Wara din id-deċiżjoni, l-MFA permezz tad-Direttur Tekniku, Robert Gatt, li għalih għandi rispett u ammirazzjoni kbira, għall-għajnuna kollha li dejjem tana, ippreżentani bi sfida ġdida – dik li nkun direttur tal-futbol tan-nisa. Din hija sfida ġdida għalija, u fil-karattru tiegħi, dejjem inħobb nidħol għal sfidi ġodda u kien għalhekk li aċċettajt din il-kariga u f’dawn il-jiem bdejt bil-ħidma tiegħi f’din il-kariga ġdida. Huwa diffiċli għalija li naħdem f’uffiċċju, għax dejjem ħdimt fil-grawnd, iżda l-futbol tan-nisa jokkupa post speċjali f’qalbi u se nibqa’ naħdem qatigħ biex insib modi u ideat ġodda biex intejbu l-livell tas-settur tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna. 

Finalment nixtieq nirringrazzja lill-MFA tal-fiduċja li jibqgħu juru fija u nwiegħed li jien se nibqa’ naħdem bl-aħjar mod possibbli għall-akbar ġid tal-futbol tan-nisa kif dejjem għamilt!”

Il-kowċ ġdid tat-tim nazzjonali tan-nisa Mark Gatt afferma li: “Qed inħares lejn din l-esperjenza bħala kontinwazzjoni tax-xogħol tiegħi bħala kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa ta’ taħt id-19–il sena u bħala assistent kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa tal-kbar. L-għan tiegħi huwa dak li ngħaqqad l-esperjenza tal-plejers kbar mal-entużjażmu tal-plejers iżgħar. It-tim għandu bażi soda li żgur li se tkun ta’ għajnuna kbira. Madankollu, nixtiequ li ntejbu iktar il-livell tal-logħba tagħna. 

It-tornew ta’ ħbiberija li se nkunu nvoluti fih f’Marzu li ġej se jgħinna bis-sħiħ biex nippreparaw lit-tim tagħna għall-Euro Qualifiers li se nkunu impenjati fihom f’April li ġej. Iżda l-għan ewlieni tiegħi f’dawn il-logħbiet mhux ir-riżultati. Għalissa, iżda, se nkun qed infittex li ntejjeb il-wirjiet tat-tim nazzjonali tan-nisa u li l-plejers jaddattaw ruħhom għal stil ġdid ta’ logħob. Nixtieq nirringrazzja lill-MFA talli urew il-fiduċja tagħhom fija waqt li wkoll qed inħares ’il quddiem biex inkompli naħdem mal-kowċ tal-goalkeepers Roger Camilleri waqt li ninsab ċert li l-ħidma li se jkolli mal-assistent kowċ, Frank Schembri, se jkun ta’ benefiċċju kbir għat-tim nazzjonali tan-nisa kollu. 

Intant, f’kummenti li tana l-assistent kowċ ġdid tat-tim nazzjonali tan-nisa, Frank Schembri, fuq l-istess livell, huwa tenna li: “Ninsab eċitat u ferħan ħafna b’ din l-esperjenza ġdida fil-karriera tiegħi. Nixtieq nirringrazzja lill-MFA u lill-eks kowċ tat-tim nazzjonali, Pierre Brincat, li emmnu fija. Fil-passat diġà għent lil Pierre Brincat mat-tim tal-kbar tan-nisa, jiġifieri ħafna mill-plejers diġà jafuni. Nemmen li l-futbol tan-nisa għandu potenzjal kbir u issa jiddependi minna li naħdmu flimkien biex inkomplu nħajru iżjed tfajliet jilagħbu l-futbol u fl-istess ħin intejbu l-livell. Diġà sar ħafna xogħol u rridu nkomplu nibnu bil-mod.”

More in Sports