Jikklassifika bħala l-ewwel Malti fin-Nofs Maratona għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu

It-tellieqa ta’ din is-sena kienet waħda kemmxejn differenti mis-soltu minħabba l-maltemp u r-riħ - Mark Herrera

Mark Herrera fl-azzjoni waqt il-Vodafone Malta Half Marathon
Mark Herrera fl-azzjoni waqt il-Vodafone Malta Half Marathon

Il-Ħadd 22 ta’ Frar reġgħet ġiet organizzata n-nofs maratona ta’ Malta, fejn għal din is-sena kien l-atleta Mark Herrera li rebaħ l-unur tal-ewwel Malti għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu.

Il-preparamenti għal din it-tellieqa kien kemmxejn differenti mis-soltu għax Herrera qiegħed iħares lejn distanzi ftit differenti għal dan l-istaġun fejn ġejjin kompetizzjonijiet importanti barra minn Malta. Iżda l-mod ta’ kif jitħarreġ Herrera jtih il-possibiltà li jagħmel tlielaq bħal dawn kmieni fi staġun, kif ukoll iqsar lejn it-tieni nofs tal-istaġun. 

Kif jispjega Herrera, it-tellieqa ta’ din is-sena kienet waħda kemmxejn differenti mis-soltu minħabba l-maltemp u r-riħ qawwi li ħakem lil Malta waqt it-tellieqa.  Kif kien mistenni, kien hemm grupp ta’ atleti li żammew il-pass flimkien, iżda ħadd minnhom ma jrid jikkommetti ruħu kmieni minħabba l-kundizzjonijiet li kien hemm, iżda lejn  il-15-il kilometru Herrera ddeċieda li jżid il-pass u meta ra li l-vantaġġ bejnu u bejn l-oħrajn beda jiżdied dan tah aktar kuraġġ u kompla b’dan il-pass mgħaġġel, fejn sal-aħħar wasal għar-rebħa.

Issa skont kif stqarr ma’ dan il-ġurnal, Mark Herrera, din it tellieqa tinsab fil-passat, u wara ftit jiem ta’ mistrieħ, it-taħriġ jerġa’ jibda, fejn ġejjin ftit xhur intensivi. L-istaġun se jkompli fil-korsa tal-atletika fejn Herrera qed jimmira li jikseb il-ħin biex jikkwalifika għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, fid- distanzi tal-1500m u t-3000m steeplechase, speċjalment f’din tal-aħħar, fejn Herrera qed jittama li jkompli jtejjeb ir-rekord nazzjonali. 

Fl-aħħar u mhux l-inqas, Mark Herrera, xtaq jiringrazzja lill-isponsors ‘Nyoo Destination Wellness’, ‘Urban Jungle’ u ‘Medcomms Ltd’.  Huwa xtaq jgħaddi wkoll ringrazzjament speċjali lis-Sur Wally Galea, li dejjem ikun preżenti għall-attivitajiet sportivi tal-atletika.

More in Sports