Swieqi United u l-futbol tan-nisa

Il-klabb beda wkoll jieħu ħsieb affarijiet amministrattivi, testijiet mediċi, kits u affarijiet oħra relatati

It-tim tan-nisa ta’ Swieqi United li qed ikollu avventura mill-aqwa fil-futbol tan-nisa f’pajjiżna
It-tim tan-nisa ta’ Swieqi United li qed ikollu avventura mill-aqwa fil-futbol tan-nisa f’pajjiżna

Fis-sajf tas-sena 2014, ftit ġranet biss qabel l-applikazzjonijiet ġew magħluqa, il-klabb tal-futbol tas-Swieqi United, applika biex anki hu jkollu t-tim tal-futbol tan-nisa biex ikun rappreżentat fil-Malta Football Association (MFA). 

Malli ġiet approvata l-applikazzjoni, x-xogħol beda ġmielu biex jifforma t-tim tal-futbol tan-nisa tas-Swieqi United. Sal-aħħar ta’ Lulju, kien hemm madwar għoxrin plejer u flimkien mal-kowċ Andrea Vella, bdiet din l-avventura. It-trainee coaches Max Bartolo u Jochen Lenders, bdew jassistu wkoll fit-tħejjija għall-istaġun tal-futbol 2014/2015. 

Hemm taħlita ġmielha ta’ nisa fit-tim f’kuntest ta’ esperjenza; nisa li qatt ma lagħbu futbol, nisa li kellhom esperjenza żgħira fil-futbol u nisa li kienu wkoll ma’ timijiet oħra. Mill-bidu nett, xi ħaġa ta’ min jammira kienet l-enerġija u l-entużjażmu li dawn in-nisa kellhom malli ngħaqad it-tim. Baqgħu b’din l-atmosfera pożittiva biex sal-lum bnew relazzjonijiet b’saħħithom bejniethom u joffru prestazzjonijiet ferm sodisfaċenti. Il-klabb beda wkoll jieħu ħsieb affarijiet amministrattivi, testijiet mediċi, kits u affarijiet oħra relatati. 

Il-klabb għamilha ċara li ma jimpurtax ir-riżultat jew kemm jaqilgħu gowls, iżda huwa aktar importanti li jieħdu gost jilagħbu futbol billi jirrispettaw lil kulħadd u r-regolamenti tal-futbol. 

Fil-futbol tan-nisa hemm kampjonat wieħed u Swieqi United kellhom jaffaċjaw timijiet ta’ esperjenza bħal Hiberians u Birkirkara. Għalkemm kienu logħob iebsin, it-tim tan-nisa bdew irabbu kunfidenza, taħriġ wara taħriġ u laqgħu kull tip ta’ sfida.           

F’Ottubru tas-sena 2014, it-tim tan-nisa tal-futbol tas-Swieqi United, iddebutta fil-kampjonat u ġie megħlub minn Tarxien b’riżultat ta’ 5 - 0. Minkejja r-riżultat, dan it-tim beda xorta jattratta nies ta’ fama bħal eks kowċ nazzjonali Pierre Brincat. Ġimagħtejn wara, it-tim tan-nisa tal-futbol tas-Swieqi United, akkwistaw l-ewwel punt mas-Sliema b’parità ta’ 2-2 u akkwistaw rebħa oħra biex b’hekk spiċċaw l-ewwel round b’erba’ punti. 

It-tim tan-nisa tal-futbol tas-Swieqi United, għelbu lil Lija/Iklin fin-Knock Out bir-riżultat ta’ 8-0. B’hekk avvanzaw fil-Kwarti tal-Finali kontra t-tim tal-Hiberians li se tintlagħab fit-3 ta’ Marzu 2015. 

Il-Kampjonat inqasam fi tnejn, Championship Pool u Sezzjoni B. Is-Swieqi United sabu ruħhom f’Sezzjoni B u bdew fuq nota pożittiva b’rebħa kbira ta’ 14-0 mal-Lija/Iklin, biex b’hekk kisbu rekord ġdid għall-klabb. Logħba biss wara, t-tim tal-futbol tan-nisa, għeleb lil Tarxien fil-Kampjonat, biex b’hekk illum jinsabu b’għaxar punti.  

Flimkien mal-coaches, insibu wkoll kumitat b’saħħtu ferm, fejn lest li jappoġġja lill-klabb mil-bidu sal-aħħar. Fost il-kumitat insibu lil Giulia Muscat u Becky Naudi, li jaħdmu b’ħeġġa u determinazzjoni biex il-klabb jimxi ’l quddiem mhux biss fil-klassifika iżda wkoll b’mod etiku u amministrattiv. Il-bqija tal-kumitat filwaqt li jappoġġja wkoll lit-tim tan-nisa tal-futbol b’mod amministrattiv, juri l-preżenza tiegħu waqt il-logħob.

More in Sports