“Sakemm ir-riħ jibqa’ jonfoħ... il-vapur jibqa’ għaddej!”

Il-mixja ta’ Fgura Utd hija ġustament meqjusa sorpriża

Joseph Farrugia, midfielder ta’ Fgura waqt logħba mill-ewwel rawnd
Joseph Farrugia, midfielder ta’ Fgura waqt logħba mill-ewwel rawnd

Li l-kampjonat BOV tal-1 Diviżjoni huwa kampjonat missielet u inċert, m’hijiex xi ħaġa ġdida. Staġun wara staġun, dan il-kampjonat joffri taqtigħa interessanti bejn aktar minn tim wieħed għall-promozzjoni fl-ogħla livell, kif ukoll taqtigħa, ferm aktar ħarxa biex tiġi evitata r-relegazzjoni għat-2 Diviżjoni. Prattikament bi ftit punti ssib ruħek mat-timijiet ta’ fuq, filwaqt li bil-maqlub, tim malajr isib ruħu fl-inkwiet.

Iżda bla dubju ta’ xejn, ir-rivelazzjoni ta’ din l-ewwel parti tal-istaġun hija l-mixja ferm pożittiva li qed ikollhom Fgura UTD, wieħed mill-iżgħar timijiet f’pajjiżna u debuttanti assoluti fl-1 Diviżjoni. Fgura UTD għal diversi snin ħadu sehem fit-tielet diviżjoni sakemm ħadu l-promozzjoni fl-istaġun 2011/12. Wara sena fit-2 Diviżjoni, is-sena li għaddiet rebħu l-promozzjoni għall-1 Diviżjoni għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb. Iżda dan ma kienx biżżejjed. Meqjus bħala tim li potenzjalment seta’ faċilment jiġi relegat lura, Fgura UTD issorprendew lil ħafna meta b’wirja aqwa minn oħra ġabru punti importanti li sal-lum, mhux biss jidhru li se jevitaw ir-relegazzjoni, iżda saħansitra poġġewhom mat-timijiet ta’ fuq, sfidanti għall-promozzjoni fil-Premier Division. 

Il-mixja ta’ Fgura UTD hija ġustament meqjusa sorpriża, meta wieħed iqis li dan it-tim huwa kompost minn ħafna mill-plejers li lagħbu miegħu fit-2 Diviżjoni, b’xi żidiet żgħar fosthom it-tliet barranin Roland John Emeka (attakkant Niġerjan), Abdul Razak Mendi (Midfielder mill-Gana) u Juan Ruiz Perez (Difensur Spanjol) flimkien maż-żagħżugħ Niġerjan Abeeb Williams, li kien jifforma parti mit-tim tal-youths tal-istess klabb. L-età medja tal-plejers hija ta’ 23 sena b’sitt plejers li għandhom inqas minn 22 sena. L-ikbar plejer mill-grupp ta’ 20 għandu biss 27 sena. 

Sal-lum Fgura UTD huwa l-inqas tim li sofra telfiet (tnejn) fl-1 Diviżjoni u bla dubju l-iktar tim konsistenti wara li sa issa għaqqad 11-il riżultat pożittiv konsekuttiv (5 paritajiet u 6 rebħiet), wara Hibernians fil-Premier, l-aħjar fil-kampjonati kollha. 

It-tim immexxi minn Ramon Zammit, huwa mibni fuq difiża soda li anke l-istaġun li għadda kienet l-inqas li sofriet gowls. It-tim jaddotta stil ta’ logħob avventuruż u pjaċevoli. Mistoqsi x’inhu s-sigriet wara dawn ir-riżultati pożittivi, il-kowċ jgħid li ma jħossx li jsir xi ħaġa speċjali. “Il-grupp huwa magħmul minn plejers żgħar li jridu jidhru, u dan jagħmluh b’ħafna xogħol, determinazzjoni u umiltà kbira. “ Fil-fatt, fit-tim ta’ Fgura ma jispikka l-ebda isem fuq l-oħrajn. “Is-sigriet mhux fl-ingredjenti, iżda fir-riċetta!” isostni Ramon Zammit.

Bil-maqlub għal timijiet oħra, Fgura UTD ma approfittawx ruħhom mit-transfer window, u ma akkwistaw l-ebda plejer. “Kultant li tbiddel ħafna taħdem kontrik. Aħjar jekk għandek difett, taħdem fuqu, milli tibdel il-plejers barranin, jew tkabbar l-iskwadra.” Zammit jemmen ukoll li dan huwa l-vantaġġ li jtuk il-plejers żgħażagħ. “Plejers żgħar fl-età’, li għandhom attitudni tajba u li jixtiequ jimxu ’l quddiem, ikunu jridu jitgħallmu u allura jkunu aktar disponibbli. Tattikament tkun aktar versatili u allura tista’ taddotta diversi sistemi. L-għatx u d-determinazzjoni li tara f’għajnejn plejers bħal dawn, hija motivazzjoni minnha nnifisha.” 

Assistejna għal sessjoni ta’ taħriġ, fejn l-għaqda fil-grupp, il-ħbiberija bejn il-membri kollha, id-determinazzjoni, l-umiltà, dehru evidenti. Waqt il-logħob kompetittiv il-preparazzjoni fiżika u fuq kollox id-dixxiplina tattika, qed jgħinu lil dan it-tim jaqta’ figura isbaħ minn oħra. “L-għan tagħna jibqa’ wieħed realistiku u umli, però sakemm ir-riħ jibqa’ jonfoħ u l-baħrin jibqgħu jridu....l-vapur jibqa’ għaddej!”

More in Sports