Qormi jumiljaw lil Sirens

Qormi 7 - 0 Sirens

Steve Agius iffawljat minn plejer ta’ Sirens
Steve Agius iffawljat minn plejer ta’ Sirens

Qormi kienu wisq superjuri għal Sirens meta umiljawhom u rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 7-0. B’hekk Qormi kkwalifikaw għas-semifinali tal-Malta FA Trophy sponsorjata minn Attian, liema kompetizzjoni tħobb ħafna lil Qormi hekk kif fl-aħħar snin huma dejjem waslu sal-fażijiet tardivi ta’ din it-tieni l-iktar kompetizzjoni importanti f’pajjiżna. 

B’hekk huma ħadu ftit tan-nifs hekk kif xejn mhu qed ikollhom staġun tajjeb meta jinsabu jokkupaw il-post ta’ qabel tal-aħħar fil-Kampjonat BOV Premier, bi 18-il punt.  

Huma fetħu l-iscore fis-16-il minuta meta Duncan Pisani għadda tajjeb lejn Alfred Effiong li waħdu, avvanza tajjeb u tefa’ ġewwa. Tmien minuti wara l-Blacks and Yellows irduppjaw l-iscore meta Joseph Chetcuti għadda tajjeb lejn Alex Nilson li żmarkat avvanza tajjeb u tefa’ wara l-goalkeeper Gianni Spiteri. Wara nofs siegħa logħob tentattiv minn freekick dirett ta’ Marcelo Roberto Lima de Mattos intemm ġewwa. 

Fit-38 minuta Qormi komplew ikabbru l-marġni tal-iscore meta minn corner ta’ Billy Berntsson, għola tajjeb Zoran Levnaic li permezz ta’ daqqa ta’ ras b’saħħitha tefa’ ġewwa. Fit-52 minuta Qormi għamluhom ħamsa meta Duncan Pisani għadda tajjeb lejn Gustavo Villalobos li lbieraħ iddebutta ma’ Qormi li minn ġol-kaxxa tefa’ ġewwa. Qormi skorjaw is-sitt goal fil-logħba fit-83 minuta meta Duncan Pisani għadda tajjeb lejn Marcelo Roberto Lima de Mattos li minn ġol-kaxxa tefa’ fix-xibka. Huma ssiġġillaw din ir-rebħa kbira permezz tas-seba’ u l-aħħar goal fil-logħba permezz ta’ tentattiv mill-viċin ta’ Emerson Vella fit-88 minuta.   

Qormi - Farrugia, Lima De Mattos, Agius (Vella 78’), Effiong, Gauci, Chetcuti (B. Bondin 69’), Nilson (Villalobos 46’), Levnaic, Pisani, J. Bondin, B. Berntsson

Sirens - Spiteri, Sant, Beda, Galea, Debattista, Falzon, Cremona (Grant 83’), Debono (Vella 76’), Zammit (Sciberras 63’), Severino Goncalves, Schembri

Referi - Sean Grant (REP. IRL.)

MARCELO ROBERTO LIMA DE MATTOS

Twieled fl-24 ta’ Ottubru 1986 f’Palmital, fil-Brażil

Skorja doppjetta f’din ir-rebħa kbira ta’ Qormi

Ingħaqad ma’ Qormi matul ix-xahar li għadda

More in Sports