“L-għaqda fid-dressing room hija l-arma tagħna” – Il-kowċ ta’ Balzan

Oliver Spiteri fejn ta iktar dettalji rigward l-andament kif ukoll it-tragwardi ta’ dan it-tim għall-kumplament ta’ dan l-istaġun

It-tim ta’ Balzan FC li tant qed jimpressjona matul dan l-istaġun
It-tim ta’ Balzan FC li tant qed jimpressjona matul dan l-istaġun

Wara li temmew l-istaġun li għadda fis-sitt post Balzan FC, għall-istaġun 2014-2015, l-objettiv prinċipali kien dak li jtejbu fuq dik il-pożizzjoni. U jidher li tabilħaqq dan l-objettiv se jsir realtà hekk kif matul dan l-istaġun it-tim immexxi mill-kowċ bravu Oliver Spiteri qed ikollu staġun mill-aqwa fejn kollox qed jindika li se jkun qed jakkwista post storiku fl-Ewropa billi jtemm il-kampjonat fir-raba’ post. Biex ikollna stampa aħjar ta’ dak li jinsab għaddej minnu l-klabb ta’ Balzan matul dan l-istaġun ma stajniex ma nagħmlux kuntatt mal-imsemmi  kowċ ta’ Balzan, Oliver Spiteri fejn tana iktar dettalji rigward l-andament kif ukoll tat-tragwardi ta’ dan it-tim għall-kumplament ta’ dan l-istaġun. 

Huwa saħaq li “S’issa qed ikollna staġun sodisfaċenti ħafna. Nemmen li nistgħu nkunu aħjar u bi ftit aktar  konvinzjoni u attenzjoni nistgħu nagħmlu qabża żgħira oħra ’l quddiem. Tista’ tgħid li llum kull avversarju qed jirrispettana fil-grawnd, u ħafna mill-mertu huwa tal-plejers. L-għaqda li hemm fid-dressing room hija l-arma tagħna. Il-motivazzjoni u d-dedikazzjoni tal-plejers twassalna biex ikollna partiti u prestazzjonijiet tajbin.

Il-President Onorarju Anton Tagliaferro huwa bniedem li jrid biss l-aħjar. Għandna relazzjoni tajba ħafna u għandna stima reċiproka lejn xulxin. Barra li jħobb il-klabb huwa wkoll l-ewwel partitarju tagħna. Dejjem ikun warajna, kemm fit-tajjeb u wisq aktar fil-ħażin. Għalkemm joqgħod l-Awstralja, ta’ spiss jiġi jarana nilagħbu u anki għat-taħriġ. L-importanza tal-preżenza tiegħu tinħass, għax kulħadd jaf li jrid jagħti l-massimu ta’ dak li jaf.

Għall-kampanja tat-trasferimenti ddeċidejna li niċċaqalqu kmieni kemm jista’ jkun. Iż-żewġ plejers li akkwistajna, Terence Agius u Bojan Kaljevic, konna ilna nsegwuhom. Meta ġie l-ħin opportun u kellna l-permess mill-klabbs tagħhom, għalaqna mill-ewwel. Dan kollu jista’ jiġri biss, jekk ikollok tim tajjeb miegħek. Peter Cipriott, George Borg u Timmy Gambin għenu ħafna fil-kampanja tat-trasferimenti. Dan kollu jsir bis-superviżjoni ta’ Anton Tagliaferro. 

Bla dubju li l-objettiv tagħna huwa dak li niġu mal-ewwel erbgħa. Il-president bena tim b’saħħtu biżżejjed biex jiġġieled mat-timijiet ta’ fuq. Nafu li mhux se tkun faċli, iżda nafu wkoll li bħalma hi diffiċli għalina se tkun diffiċli għat-timijiet l-oħrajn. Balzan qatt ma kienu f’din il-pożizzjoni, jiġifieri ma’ ta’ fuq fil-klassifika, għalhekk kull partita għalina hija esperjenza ġdida u aktar ma nilagħbu logħbiet aktar inħossuna b’saħħitna u determinati li niksbu dak li rridu.

Kif kulħadd jaf il-kampjonat Malti jibda issa, meta l-punti jinqasmu. Kulħadd jerġa’ jiġi f’xulxin, u għalhekk bħal kull tim ieħor irridu noqogħdu saqajna mal-art u naħsbu logħba, logħba. Ma tistax titlef logħbiet ma’ timijiet diretti u għalhekk irridu nkunu lesti, kif jien ċert li se nkunu għal dawn it-tip ta’ logħbiet.

Il-futur għal Balzan FC jidher li se jkun sabiħ. Hemm akkademja li għandha struttura tajba ħafna. Hemm ħafna plejers tal-futur. Fil-fatt it-tim ta’ taħt id-19-il sena, immexxi minn Jean Paul Desira, bħalissa jinsab fit-tieni post fil-klassifika, mingħajr telfa. Sitt plejers minn dan it-tim, barra li ilhom jitħarrġu magħna mill-bidu tal-kampjonat, diġà lagħbu diversi logħbiet kemm fil-Premier kif ukoll fit-Trophy. Dan juri li x-xogħol li sar, sar b’attenzjoni u b’serjetà kbira. Dan ma jfissirx li se nieqfu hawn, anzi diġà bdejna naħsbu u naraw fejn nistgħu ntejbu u nsaħħu fuq dak li diġà għandna, biex b’hekk ikollna tim aktar kompetittiv li jkun jista’ jilħaq it-tragwardi mixtieqa minn Balzan FC,” temm jgħid Oliver Spiteri.

More in Sports