Irriżenja l-president tal-GFA

Sindku u kandidat tal-PN, President tal-Hotspurs u s-Segretarju Ġenerali tal-GFA fost il-kandidati

Alvin Grech eżatt mat-tmiem is-sena tefa r-riżenja tiegħu minn President tal-GFA. Pożizzjoni li kien ilu jżomm għal dawn l-aħħar sitt snin. Alvin Grech kien għamel seba’ snin bħala segretarju Ġenerali qabel ħa l-ħatra ta’ President meta rriżenja mill-kariga Joe Cordina.

Alvin Grech ħass il-ħtieġa li jagħmel dan meta nħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board aktar kmieni din is-sena u skont hu ħass li ma setax jkollu żewġ ħatriet differenti fli Sport Għawdxi. Alvin Grech qalilna li hu t aha biżżejjed għal Football Għawdxi u ħallieh fuq sisien sodi. Issa jemmen li l-Isport ieħor Għawdxi għandu bżonn aktar għajnuna u l-għan tiegħu hu li jgħaqqad l-assoċjazzjonijiet żgħar kollha f’Għawdex taħt il-kappa tal-Gozo Sports Board biex flimkien jkollhom aktar saħħa u jkunu aktar organizzati.

“Biex nagħmel dan” qalilna is-Sur Grech, “irrid naħdem bla heda u nikkonċentra fuq L-isport ieħor għax naf li l-Football hu diġa organizzat u hemm min imexxi tajjeb ukoll.”

Sal-ewwel ħmistax tas-sena dan il-post battal mistenni jimtela fost tliet kandidati li jidhru li bdew it-tiġrija tagħhom.  S’issa qed jissemmew tliet kandidati li huma s-sindku tar-Rabat u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista l-avukat Samwel Azzopardi, l-ex president tal-Victoria Hotspurs Gorg ‘Id-Dias’ Said u s-segretarju Ġenerali għal dawn l-aħħar sitt snin u ex viċi sindku taż-Żebbuġ Joe Bajada. Kien ukoll qed jissemma l-viċi president tal-GFA, Paul Galea li wkoll kien sindku tar-Rabat, iżda sorsi qalulna li billi għandu xi parentela mill-avukat Azzopardi u billi hu impjegat mal-istess assoċjazzjoni bħala full timer mhux fi ħsiebu jikkontesta.

Mhux eskluż il-fatt li meta joħorġu n-nominazzjonijiet jista’ jkun hemm xi nominazzjoni oħra ftit mistennija. Minn sorsi infurmati sew qalulna li dan il-post iġib miegħu ‘allowance’ ta’ madwar €7,000 fis-sena.

Qed jingħad ukoll li bdiet kampanja bil-magħluq fejn qed jissemma li jista’ jkun hemm kunsilliera li ġejjin mill-irħula li jistgħu jippreferu li fil-presidenza jkun hemm wieħed li ma jkunx ġej mill-belt kapitali Għawdxija, għax żewġ kandidati huma ġejjin minn clubs ta’ Victoria.  

L-aħħar tliet presidenti kollha kienu barra r-Rabat, fejn kien hemm Chris Said minn Nadur, Joe Cordina miox-Xagħra u dak preżent Alvin Grech minn Ta’ Kerċem. Fil-fatt l-aħħar president mir-Rabat kien Mario Scerri 21 sena ilu.

Mistoqsi x’jixtieq minn dak li se jimla l-post li ħalla battal, Alvin Grech qalilna, “J’alla min jidħol, jidħol għal Football u mhux għal glorifikazzjoni personali. L-Isport jista jgawdi biss jekk l-intenzjonijiet ta’ min jieħu posti jkunu ġenwinament sportivi.

More in Sports