Rebħiet faċli fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Hockey

F’żewġ logħbiet validi mill-Kampjonat Nazzjonali tal-Hockey Poiatti Qormi u Sliema Hotsticks irreġistraw rebħiet faċli kontra Young Stars Remax u White Hart Laferla Insurance rispettivament. 

Azzjoni mill-konfront bejn Poiatti Qormi u Young Stars Remax
Azzjoni mill-konfront bejn Poiatti Qormi u Young Stars Remax

Poiatti Qormi .............5

Young Stars Remax ..1

Umpires - Manuel Imbroll u Robert Aquilina

Poiatti Qormi kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Young Stars Remax. Wara biss erba’ minuti Qormi kienu diġà rebħu l-ewwel short corner tagħhom b’Andrew Camilleri ta’ Floriana jtajjar minn fuq il-linja. Fit-tmien minuta Qormi marru minn fuq b’gowl mill-isbaħ. Ħarba tajba mill-Qriema bi tqassim preċiż wassal il-ballun għand Kyle Micallef li tefa’ l-ballun f’lasta vojta. Qormi komplew jiddominaw il-logħob b’Young Stars jattakkaw fuq il-kontrattakk. Floriana rebħu short corner fil-21 minuta bil-gowler ta’ Qormi Ramon Chircop jilqa’ tajjeb. Minuta wara Young Stars rebħu short corner ieħor u Mark Camilleri skorja biex għamel l-iskor 1-1. Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Qormi reġgħu marru minn fuq meta Juan Sarcia skorja minn azzjoni ta’ short corner bil-ballun jaħbat mal-gowler ta’ Floriana u jidħol fix-xibka. L-ewwel taqsima ntemmet 2-1 favur Qormi.

Kmieni fit-tieni taqsima ż-żewġ timijiet kellhom l-opportunitajiet tagħhom iżda kienu Qormi li żiedu l-vantaġġ fl-40 minuta meta John Williams wasal l-ewwel fuq il-ballun u xeħet fil-lasta. B’Young Stars jipprovaw jerġgħu jidħlu fil-logħba Qormi sfruttaw l-ispazji fid-difiża u kellu jkun James Mizzi, il-gowler ta’ Floriana, li wettaq żewġ interventi tajbin li żammew lil Young Stars fil-logħba. Fl-54 minuta Micallef skorja t-tieni gowl tiegħu u r-raba’ wieħed għal Qormi u kiseb il-hattrick meta fl-64 minuta tefa’ fix-xibka wara xogħol tajjeb minn Zachary DeGiovanni. L-iskor baqa’ ma nbidilx b’Qormi joħorġu rebbieħa 5-1.

Sliema Hotsticks.......3

White Hart Laferla Insurance....................1

Umpires - Luke Busuttil Leaver u Edward Hughes

Sliema Hotsticks għelbu lil White Hart Laferla Insurance bl-iskor ta’ 3-0. Wara għaxar minuti ta’ logħob f’nofs il-grawnd Sliema marru minn fuq meta Julian Zahra tefa’ fix-xibka. Minkejja li Sliema komplew jiddominaw ma rnexxielhomx isarrfu l-pussess tagħhom f’gowls minkejja li rebħu tliet short corners. L-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-0 favur Sliema Hotsticks.

Fit-tieni taqsima Sliema kienu kontinwament fuq l-attakk u fl-40 minuta David Agius ta’ White Hart salva gowl ċert meta tajjar il-ballun minn fuq il-linja fatali. Sliema rebħu erba’ short corners oħra iżda minkejja l-pressjoni kollha fuq id-difiża ta’ White Hart ma rnexxielhomx iżidu l-vantaġġ tagħhom. Kellhom jistennew sal-50  minuta meta Ryan Dalli għamilhom 2-0. White Hart tilfu ċans tajjeb fl-54 minuta u fil-61 minuta Lukas Plaehn skorja t-tielet gowl għal Hotsticks minn azzjoni ta’ short corner.

More in Sports