Vella jirbaħ l-ASMK Autocross u Camilleri jirbaħ il-Motocross

Dawn il-kompetituri baqgħu imwaħħlin wara xulxin b’vantaġġ marġinali bejniethom

Edward Ciantar fuq Kawasaki u flimkien miegħu Paul Muscat fuq KTM
Edward Ciantar fuq Kawasaki u flimkien miegħu Paul Muscat fuq KTM

Nhar il-Ħadd 30 ta’ Novembru l-‘Assoċjazzjoni Sports Muturi u Karozzi’ organizzat it-tielet programm tal-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2014/15. Il-programm kien jikkonsisti fit-tiġrijiet bil-karozzi Autocross u Muturi Motocross u ħadu sehem fiha 42 kompetitur bi 2 minnhom huma Għawdxin.

Ħarsa lejn il-ġurnata fejn fis-sezzjoni Autocross rajna taqtigħa interessanti bejn 25 kompetitur li kkompetew flimkien. Minkejja li l-korsa kienet waħda stupenda ħadd ma rrnexxielu jirbaħ il-heats kollha tal-ġurnata. Wara tliet heats imqanqla ġew identifikati l-finalisti tal-ġurnata.

Għall-finali Klassi ‘A’ kkwalifikaw Jason Martin fuq Volkswagen Polo, Philip Joe Vella u Malcolm Borg it-tnejn fuq Opel Corsa, Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo, Gordon Johnson fuq Peugeot 205 u Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova.

Mat-tluq ta’ din il-finali rajna lil Vella u flimkien miegħu Martin u Galea jagħmlu l-aħjar ħruġ. Vella ħa t-tmun tat-tiġrija segwit minn Martin u Galea. L-attenzjoni mill-ewwel marret fuq Johnson li beda jsegwi lil Galea mill-viċin waqt li Galea kien ukoll qed isegwi lill Martin. Kollha kienu qed jistennew dak il-mument opportun biex javvanzaw post fuq ta’ quddiemhom. 

Minkejja dan, is-sewqan kien veloċi imma sportiv u spettakolari. Dawn il-kompetituri baqgħu imwaħħlin wara xulxin b’vantaġġ marġinali bejniethom tant li Johnson fis-sitt dawra rnexxielu jissupera lil Galea u javvanza pożizzjoni. Il-finali spiċċat b’Vella jirbaħ b’vantaġġ sostanzjali segwit minn Martin u Johnson rispettivament. Fir-raba’ post spiċċa Galea, fil-ħames post daħal Pisani segwit minn Borg fis-sitt post.

Fil-Finali Klassi ‘B’ ikkwalifikaw Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo, Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift, Matthew Borg u Keith Borg it-tnejn fuq Vauxhall Nova, Philip Grima fuq Ford Escort u Noel Zammit fuq Fiat Uno. Mat-tluq ta’ din il-finali rajna lil Farrugia jagħmel ħruġ tajjeb ħafna tant li mill-ewwel spiċċa fuq quddiem segwit minn Borg u Birmingham. 

Il-finalisti komplew jieħdu posthom b’Keith Borg jispiċċa jsegwi lil Birmingham. Matul din il-finali ma rajna l-ebda tibdil u kollha żammew u ddefendew posthom. Il-finali spiċċat b’Farrugia jirbaħ segwit minn Matthew Borg u Birmingham rispettivament. Fir-raba’ post daħal Keith Borg segwit minn Zammit fil-ħames post. Grima spiċċa l-finali fis-sitt post.

F’dan il-Ħadd beda wkoll il-Kampjonat tal-Klassi li ġie introdott minn dan l-istaġun imsejjaħ ‘Autocross Standard Class’. Żewġ kompetituri rreġistraw f’din il-klassi. Deane Farrugia fuq Citroen AX u s-sewwieq Għawdxi Joseph Vella fuq Ford Fiesta. In-numru tal-kompetituri f’din il-klassi mistenni jkompli jikber fil-jiem li ġejjin fejn hemm numru ta’ karozzi li qed jiġu modifikati għal din il-klassi. Intant l-ewwel attività f’din il-klassi kienet mirbuħa minn Farrugia segwit minn Vella fit-tieni post.

Nhar il-Ħadd ukoll beda l-kampjonat tal-muturi wara jiem ta’ taħriġ intesiv għas-sewwieqa kollha tal-Motocross. L-attivtà ta’ nhar il-Ħadd kienet l-ewwel attività bi 15-il mutur maqsumin f’żewġ klassijiet. Ħarsa lejn Klassi A fejn għal din l-ewwel attività ddomina Clayton Camilleri fuq mutur KTM li rebaħ il-heats kollha tal-ġurnata segwit viċin ħafna minn Paul Muscat fuq mutur KTM li daħal u għalaq il-ġurnata fit-tieni post. Fit-tielet post kellna taqtigħa bejn tliet kompetituri - Edward Ciantar fuq Kawasaki, Trevor Muscat fuq KTM u Stefan Dimech fuq Honda. Dawn għalqu l-ġurnata kollha bl-istess punti b’Dimech ikollu l-aħjar pożizzjoni fl-aħħar tiġrija u għaldaqstant rebaħ it-tielet post overall. Dan kien segwit minn Ciantar u Muscat rispettivament.

Fi Klassi ‘B’ rajna lil Ludvic Muscat fuq KTM jiddomina din il-klassi b’rebħ fiż-żewġ heats tal-ġurnata. Dan kien segwit minn Turu Micallef fuq mutur Honda li spiċċa l-ġurnata fit-tieni post. Muscat u Micallef kienu segwiti minn Adam Sultana fuq mutur Kawasaki.

Intant wara li dan l-istaġun daħlu regolamenti ġodda għas-sezzjoni Motocross ġiet introdotta tiġrija Open Race bil-muturi Motocross kollha. Din issir fl-aħħar tal-ġurnata fejn fiha ħadu sehem 11-il kompetitur fuq tiġrija ta’ 10 minuti. F’din it-tiġrija rajna l-kapaċità tas-sewwieqa kollha flimkien. Ir-riżultat finali kien wieħed ripetut għal dak tal-klassi A. Camilleri rebaħ l-ewwel segwit minn Muscat u Dimech.

Intant attività oħra fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK se ssir għada t-Tnejn 8 ta’ Diċembru – festa pubblika bl-attivtà tibda fil-11am. F’din il-ġurnata se tkun organizzata r-raba’ attività Autocross mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2014/15.

Intant l-ASMK bħalissa fetħet l-applikazzjonijiet għat-tiġrija Demolition Derby. Se ssir laqgħa apposta nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Diċembru fil-Club House l-Imtarfa fit-8pm fejn dakinhar jingħalqu l-applikazzjonijiet għal din l-attività li mistennija ssir fil-21 ta’ Diċembru. Għal darb’oħra din id-Demolition Derby se ssir b’risq l-Istrina. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku.

More in Sports