Tinżamm il-World Dressage Challenge f’Malta

Ir-riżultat finali ta’ Team Malta jkun magħruf ġaladarba l-pajjiżi kollha fi ħdan iż-żona jkunu temmew l-isfidi tagħhom

Lawrence Ciarlo fuq debba Zilona li rebaħ il-Kategorija tal-Advanced Adults
Lawrence Ciarlo fuq debba Zilona li rebaħ il-Kategorija tal-Advanced Adults

Il-Federazzjoni Ekwestri ta’ Malta, flimkien mal-Fédération Equestre Internationale (FEI) ospitat il-World Dressage Challenge ġewwa l-Monte Kristo Estate. L-għan ta’ din il-kompetizzjoni huwa li jagħti l-atleti fid-Dressage, li taħt ċirkostanzi normali, ma jistgħux jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali, l-opportunità li jikkompetu fuq livell internazzjonali mingħajr ma jkollhom iħallu l-pajjiż tagħhom stess.

Il-kompetizzjoni hija maqsuma fi 12-il żona ġeografika, magħmula minn bejn erba’ u sitt pajjiżi. Malta qed jikkompetu fir-raba’ żona, kontra l-Greċja, Ċipru, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Iżrael. Malta kkompetiet fil-Livell Avvanzat, Medju, Elementari u Preliminari. Fi ħdan il-livelli l-atleti ġew imqassma f’żewġ gruppi ta’ età bejn 12 u 15-il sena u 16-il sena ’l fuq.

L-atleti li jieħdu sehem fil-FEI World Dressage Challenge huma ġġudikati fuq l-istess testijiet u bl-istess membri tal-ġurija ġewwa kull żona ġeografika. L-atleti jikkompetu fuq livell individwali u r-riżultati huma bbażati fuq l-ogħla persentaġġ totali miksub. Il-klassifikazzjoni tat-Tim Malti huwa bbażat fuq l-ogħla persentaġġ totali miksuba mill-aqwa tliet atleti nominati mill-Federazzjoni Nazzjonali. Team Malta, kien magħmul minn Tommy Xuereb, Margot Draper, Lara Selvagi u Corinne Gauci. Ir-riżultat finali ta’ Team Malta fil-Klassifikazzjoni globali tal-grupp ikun magħruf ġaladarba l-pajjiżi kollha fi ħdan iż-żona jkunu temmew l-isfidi tagħhom. 

“Il-Federazzjoni Ekwestri ta’ Malta tinsab kburija ħafna bis-suċċess ta’ din is-sena, mhux biss mil-livell ta’ organizzazzjoni iżda wkoll mill-progress irreġistrat fil-prestazzjonijiet tal-atleti individwali meta mqabbla mas-snin preċedenti. Dan juri l-ħidma iebsa li l-atleti tagħna jiddedikaw lejn l-isport tagħhom - ħidma li ssir matul is-sena kollha biex jiżguraw l-aħjar prestazzjoni tagħhom hija mogħtija fl-uniku avveniment internazzjonali dressage” qal Ronald Gaerty, President tal-Federazzjoni Ekwestri ta’ Malta. “Hawnhekk nixtieq inżid li s-suċċess ta' dan l-avveniment huwa wkoll minħabba l-għadd ta’ voluntiera li jiddedikaw il-ħin u l-isforz fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment. Grazzi kbira wkoll lil dawk l-organizzazzjonijiet, bħal Zetruf, li appoġġjaw dan l-avveniment. Mingħajr dawn l-organizzazzjonijiet u l-voluntiera dan kollu ma jkunx possibbli.”

Matul l-avveniment, total ta’ 22 atleta kkompetew fl-erba’ klassijiet. Il-parteċipazzjoni fil-World Dressage Challenge hija possibbli grazzi għal sistema ta’ kwalifikazzjoni, fejn l-atleti jipparteċipaw f’żewġ avvenimenti  li jsiru matul is-sena. Sabiex jikkwalifikaw għal din il-kompetizzjoni, l-atleti huma meħtieġa jiksbu persentaġġ minimu hekk kif stabbilit mill-Federazzjoni.

L-avveniment kien iġġudikat minn Judges Internazzjonali Elke Ebert (Ġermanja) u Victoire Mandl (Awstrija) li t-tnejn li huma għandhom snin twal ta’ esperjenza u kompetenza fl-isport ekwestri fuq livell internazzjonali.

More in Sports