Doppjetta ta’ dos Santos tkompli ssaħħaħ id-dominju ta’ Hibernians

Sliema Wanderers 1 - 2 Hibernians

L-attakkant prolifiku Brażiljan Edison Luis dos Santos iktar magħruf bħala Tarabai skorja doppjetta personali hekk kif Hibernians għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-1 biex kabbru r-rekord tagħhom ta’ logħob mhux megħluba għal xejn inqas minn 14-il logħba. 

Min-naħa l-oħra dan kien riżultat ieħor diżappuntanti għal Sliema Wanderers fejn rimarkabbli huwa l-fatt li din kient ir-raba’ telfa għalihom f’ħames logħbiet. Kienu Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti logħob, Tarabai ra x-xutt tajjeb tiegħu mill-viċin milqugħ minn Glenn Zammit. 

Il-Pawlisti marru fil-vantaġġ fit-13-il minuta meta minn freekick tas-solitu Clayton Failla mil-lemin, il-ballun ġie mxellef minn Scozzese u Edison Luis dos Santos tefa’ ġewwa mill-viċin. Tarabai seta’ faċilment skorja ieħor fis-37 minuta meta wara li rċieva minn kross mil-lemin għola tajjeb iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra. Hibernians irduppjaw l-iskor mas-siegħa logħob grazzi għall-freekick dirett ta’ Edison Luis dos Santos li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Glenn Zammit. 

Sitt minuti biss wara, il-Blues naqsu l-marġni tal-iskor grazzi għal Peter Xuereb, meta wara li rċieva mingħand Trevor Cilia, tefa’ l-ballun wara Henry Bonello. Minuta minn tmiem id-90 minuta, Trevor Cilia resaq ferm viċin li jġib l-iskor indaqs iżda l-konklużjoni tiegħu li dehret destinata għal ġewwa ġiet imneħħija ’l bogħod minn kull periklu mis-sostitut Jonathan Pearson. 

Sliema Wanderers - Zammit, Martinelli (Friggieri 77’), Scozzese, Mifsud (Xuereb 45’), Psaila, Potezica, Cilia, Mangiacasale, Bocar (Gnabouyou 55’), B. Muscat, Bianciardi

Hibernians - Bonello, Da Gracia Gomes, Soares, Cohen, Kristensen (Lima 64’), Failla, Bezzina, Agius, Dos Santos, Mbong (Pearson 84’), Pereira da Silva

Referi - Clayton Pisani

Edison Luis dos Santos

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Twieled fil-Brażil

Skorja doppjetta personali f’din il-logħba

Qed ikollu staġun mill-aqwa ma’ Hibernians fejn jinsab jokkupa l-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers tal-Kampjonat BOV Premier

More in Sports